In-Nazzjonijiet Uniti sejħet għal waqfien mill-ġlied immedjat fil-kapitali Libjana Tripli wara li din il-belt, fi tmiem il-ġimgħa, spiċċat ċentru għall-battalji ħorox bejn l-elementi armati tal-gruppi politiċi rivali.
Il-Ministeru tas-Saħħa fi Tripli fl-aħħar sigħat qal li mietu talanqas 25, b’għexieren oħra jindarbu waqt il-battalji. L-awtoritajiet ikkonfermaw ukoll li l-vittmi jinkludu komiku lokali magħruf li kien inqabad f’nofs il-ġlied.
Il-Libja ilha għaddejja minn kaos mill-ġranet tar-rewwixta storika tal-2011 (appoġġjata min-NATO) li kienet qaċċtet ir-reġim tal-eks-dittatur Muammar Gaddafi. Madankollu, l-aħħar sentejn kienu relattivament kwieti għal dan il-pajjiż li jista’ qed iħares lejn perjodu ieħor ta’ taqlib fil-ġimgħat li ġejjin.
L-aħħar battalji fi Tripli seħħew meta l-qawwiet armati tal-Gvern Libjan li jgawdi għarfien internazzjonali ppruvaw jitfgħu lura konvoj ta’ milizzji leali għal Fathi Bashagha – li hu rikonoxxut bħala ‘il-vera Prim Ministru tal-Libja’ minn Parlament ieħor ibbażat fil-lvant tal-pajjiż u li meqjus bħala l-amministrazzjoni rivali għall-Gvern fi Tripli.
Intant, irriżultaw waqtiet ta’ sparar fit-tul u splużjonijiet f’diversi bnadi tal-kapitali, bis-servizzi għall-emerġenzi jgħidu li ntlaqtu anki numru ta’ sptarijiet. Saru wkoll l-evakwazzjonijiet tan-nies miċ-ċentru tal-ġlied, bis-sitwazzjoni fi Tripli tibqa’ waħda inċerta.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Missjoni tan-NU għal-Libja kkundannat ‘il-bumbardamenti indiskriminattivi taz-zoni ċivili fi Tripli.
//= $special ?>

