Internazzjonali

Il-Pakistan: Mal-15 fil-mija tal-poplu affettwati mix-xita u l-għargħar

Il-Pakistan qed jappella għal aktar għajnuna internazzjonali waqt li qed jipprova jilqa’ għall-impatt devastanti tal-aħħar xita u għargħar li sal-bieraħ kienu ħallew ‘il fuq minn 1,110 mejtin – b’120 fost dawn il-vittmi jkunu kkonfermati fi spazju ta’ 24 siegħa.

Għalkemm l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Emirati Għarab Magħquda kollha taw il-kontribuzzjonijiet għall-fond speċjali li għandu jgħin lill-imġarrbin tal-maltemp, l-uffiċjali f’Islamabad qalu li jeħtieġu ħafna aktar għajnuna sakemm il-ħajja tirritorna għan-normal fid-diversi reġjuni tal-Pakistan.

Il-Ministeru għall-Ippjanar u l-Iżvilupp fil-Pakistan ikkonferma li x-xita u l-għargħar straordinarju s’issa affettwaw lil madwar 30 miljun Pakistani – jew 15 fil-mija tal-popolazzjoni.

Dan meta r-reġjuni lejn in-nofsinar tal-Pakistan intlaqtu l-agħar mix-xita kontinwa li qed tikser kull rekord f’pajjiż li, sena wara sena, ikollu jiffaċċja l-elementi kiefra tal-monsoon li dejjem jirriżultaw fl-għexieren tal-vittmi.

U waqt li x-xita u l-għargħar attwali huma l-agħar fil-pajjiż kemm ilhom jinżammu r-rekords, l-awtoritajiet fil-provinċja ta’ Sindh qalu li x-xita li waqgħet fuq l-inħawi fl-aħħar ġranet kienet tmien darbiet aktar mill-medja rreġistrata fl-aħħar snin għal matul ix-xahar ta’ Awwissu.

Sadanittant, f’numru ta’ reġjuni, l-ilma tax-xita affettwat anki lis-sistemi tad-drenaġġ u f’sitwazzjoni fejn id-drenaġġ, issa, qiegħed ifur mat-toroq tal-ibliet u l-villaġġi fil-Pakistan. Dan fost it-twissijiet mill-awtoritajiet lokali dwar il-possibbiltà ta’ epidemiji tal-mard bħat-tefojde minħabba li d-drenaġġ qed jitħallat mas-sistema tal-ilma fid-diversi bnadi.

Minn Ġunju ‘il hawn mietu ‘il fuq minn 1,000 b’kaġun tax-xita u l-għargħar tal-monsoon u meta mistenni li fil-jiem li ġejjin jinkisru aktar rekords tal-maltemp fil-Pakistan. Ir-refuġjati interni dovuti għax-xita u l-għargħar issa qegħdin javviċinaw il-200,000, bl-aġenzija OCHA (l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji) tan-Nazzjonijiet Uniti twissi dwar ‘ġlieda mal-ħin’ sakemm ir-refuġjati jitwasslu lejn iz-zoni ta’ refuġju fejn l-effetti tal-għargħar ma jkunux daqshekk ħorox.