Lokali

Il-Pulizija tinvestiga l-użu ta’ tifel ta’ tmien snin biex iwassal id-droga

Il-Pulizija ta’ Kontra r-Reati Maġġuri, b’mod partikulari dawk li jimmilitaw kontra t-traffikar tad-droga, fil-jiem li għaddew komplew jinvestigaw iċ-ċirku ta’ traffikar ta’ droga wara r-rejds li saru f’residenzi fil-Belt Valletta u fil-Marsa.

Minn aktar stħarriġ li sar il-Pulizija kisbet informazzjoni li traffikanti tad-droga involuti f’dan iċ-ċirku kienu possibbilment qed jużaw tifel ta’ tmien snin biex iwasslilhom id-droga għand terzi persuni, fosthom
klijenti li jixtru d-droga.

Jirriżulta wkoll minn aktar stħarriġ li għamlet il-Pulizija, li r-residenzi fil-Belt li fihom saru r-rejds, kienu fil-fatt ovvji li qed jintużaw għal skop ta’ negozju illegali tad-droga, b’vittmi tal-abbuż jitlajjaw fl-inħawi, diversi drabi anki jpoġġu bilqiegħda fuq għatbieb ta’ djar oħra jistennew li jinqdew.

Nifhmu li fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija, bis-sehem ukoll ta’ Uffiċjali mill-Aġenzija Appoġġ, qed ikun mitkellem dan it-tifel biex jgħaddi aktar informazzjoni importanti għal skop ta’ stħarriġ. Sa issa hu stabbilit fiċ-ċert li diversi kienu l-persuni vittmi tal-abbuż tad-droga li kienu jixtru d-droga mir-residenzi fejn fil-fatt instabet id-
droga lesta, ippakkjatha u kemm tinbiegħ.

Tliet persuni nhar l-Erbgħa tressqu l-Qorti u fil-jiem li ġejjin mistennija li tibda l-kumpilazzjoni dwar il-każ tagħhom, li qed jitqiet bħala wieħed serju, aktar u aktar jekk fin-nofs hemm l-involviment ukoll ta’ persuni taħt l-età.

Fir-rejd ta’ nhar l-Erbgħa li għadda l-Pulizija rnexxielha tarresta għaxar persuni u grazzi għal aktar stħarriġ ikkonfiskat ukoll ammont ta’ kokaina, flus kontanti, arloġġi Rolex, oġġetti tad-deheb u ġojjellerija, ċellulari u anki tagħmir ieħor użat għal skop ta’ negozju tad-droga.

Tags