Lokali

Impatt negattiv fuq il-bdiewa kaġun ta’ temp estrem

Il-bidla fil-klima qed tħalli impatt negattiv fuq il-Gżejjer Maltin b’mod partikolari fuq il-bdiewa.

Dan hekk kif tul dawn l-aħħar snin esperjenzajna maltemp qalil kif ukoll sħana estrema li ħalliet impatt qawwi fuq il-produzzjoni tal-art agrikola tal-bdiewa. Net News tkellem ma’ Malcolm Borg li huwa l-President tal-Għaqda Bdiewa Attivi illi spjega kif it-tibdil fil-klima qed jaffetwa x-xogħol tal-bdiewa. Huwa qal li dan it-temp estrem tul is-sena kollha qed inaqqas il-produzzjoni tal-prodotti u l-bdiewa qed jispiċċaw idaħħlu inqas flus.

Barra minn hekk, huwa spjega kif il-maltemp ukoll qed jaffettwa lill-bdiewa bil-ħsarat li qed iġarrbu s-serer. Borg tenna li dawn il-maltempati estremi qed isiru aktar frekwenti tul l-istaġun xitwi. Dawn il-ħsarat kaġun tal-maltemp qawwi qed jwasslu għal spejjeż kbar sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jirranġawhom.

Spjega li dan it-temp estrem qed jaffettwa l-produzzjoni tal-prodotti kollha kemm dawk li jitkabbru fuq barra kif ukoll tas-serer.

Malcolm Borg fakkar li qed issir riċerka barra minn xtutna sabiex jinstabu metodi ġodda ħalli l-prodotti jifilħu aktar dan it-temp estrem. Iżda sa issa, il-bdiewa qed jagħmlu minn kollox sabiex jieħdu dak kollu li jistgħu mill-produzzjoni tagħhom.