Internazzjonali Lokali

“Inħossni sigura fis-Slovakkja, madanakollu qalbi se tibqa’ fl-Ukrajna”

“Inħossni sigura fis-Slovakkja, madanakollu qalbi minn dejjem se tibqa’ fl-Ukrajna”. Hekk sqarret Oleksandra Panchuck, mara ta’ 31 sena mill-Ukrajna li kellha taħrab minn pajjiżha minħabba l-invażjoni Russa u li issa sabet refuġju fis-Slovakkja. Hija kienet qed titkellem mal-għalliem Martin Azzopardi waqt li kien qed jagħmel ħidma missjunarja fis-Slovakkja.

Oleksandra, magħrufa wkoll bħala ‘Sasha’ stqarret li lura fl-24 ta’ Frar, għall-ħabta tal-4.30 ta’ filgħodu rċeviet telefonata mingħand in-neputija tagħha f’Kharkiv, tibki u tolfoq li qiegħdin jiġu bbumbradjati mill-armata Russa.

Sasha, bħala infermiera militari qalet li filgħodu l-armata Ukrena bdiet tirrispondi għall-aggressjoni Russa u li saħansitra waqt li kienet qiegħdha tagħmel dmirha għal pajjiżha, missila Russa niżlet fl-inħawi tagħha bil-konsegwenza li ħelsitha bi żbrixx.

Sasha kompliet tgħid li waqt li kienet qiegħda sservi fl-armata Ukrena, kull sekonda kienet sekonda ta’ terrur. Dan għaliex mhux talli kull mument hemm ċans li titlef ħajtek, iżda bħala omm kienet qiegħda tinkwieta wkoll għall bintha ta’ 7 snin li ħalliet lura d-dar ma’ ommha. Infatti, Sasha stqarret li l-aktar ħaġa li s-suldati Ukreni jibżgħu minnha, mhux li jitilfu ħajjithom huma, imma li xi ħadd mill-familja tagħhom jintlaqat mill-missili Russi waqt din l-invażjoni.

Infatti kien lura fis-6 ta’ Marzu tal-2022 li Sasha, flimkien mar-raġel tagħha Valentin iddeċidew li Sasha u binthom għandhom jippakjaw ħwejjiġhom u jaħarbu mill-Ukrajna, biex jaħarbu t-terrur tal-gwerra.

Sasha stqarret li din ma’ kinitx deċiżjoni faċli, hekk kif warajha kellha tħalli lill-ommha u missierha fil-villaġġ ta’ Vinnytsa, villaġġ li ta’ kuljum qiegħed jiġi bbumbardjat mill-armata Russa. Madankollu, Sasha stqarret li din kienet deċiżjoni neċessarja minħabba s-sigurtà ta’ bintha.

Meta mistoqsija kif irnexxielha titlaq mill-Ukrajna, Sasha stqarret li hi u bintha Anastasia qabdu xarabank minn Vinnytsa fl-Ukrajna sa Warsaw fil-Polonja li damet madwar 10 sigħat għaddejja. Hekk kif waslu Warsaw, Sasha qalet li minn hemm imbagħad qabdu xarabank oħra lejn Slovakja u waslu fid-9 ta’ Marzu fejn sabu refuġju mal-Patrijiet Kapuċċini li kienu qegħdin joffru refuġju lilfamilji oħrajn mill-Ukrajna.

Sasha qalet li wara li telqet minn pajjiżha saħansitra għamlet iljieli ma’ tistax torqod, imbikkma għall-fatt li ħalliet warajha kemm lill-familja tagħha, kif ukoll li ħbiebha u x-xogħol tagħha. Madankollu meta mistoqsijja jekk s’issa ma tilfet lill-ħadt f’din l-invażjoni, Sasha stqarret li grazzi għall-Mulej s’issa l-ebda minn qrabatha ma tilfu ħajjithom.

Meta mistoqsijja kif tħossha dwar l-armata Ukrena, Sasha stqarret li għandha qalbha maqsuma li kellha tħalli warajha lill-armata Ukrena u lilll-kollegi tagħha n-nurses militari. Madankollu Sasha stqarret li tinsab kburija immens bl-armata Ukrena li ta’ kuljum qiegħda tagħmel minn kollox biex tipproteġi lill-Ukrajna.

Sasha ġiet mistoqsijja wkoll x’inhuma l-ħsibijiet tagħha rigward l-armata Russa. Hi stqarret li fil-bidu ta’ din l-invażjoni kienet ferm irrabjata għat-truppi Russi li invadu lil pajjiżhom. Sasha kompliet biex tgħid li huwa fatt li t-truppi Russi jridu jimxu mal-ordnijiet tal-kmandanti tagħhom, madankollu li toqtol fuq l-ordnijiet tal-kmadanti tiegħek mhi qatt aċċettabbli.

Sasha qalet li ma’ tafx xi tkun ir-reazzjoni tagħha jekk xi darba tiltaqa’ ma’ xi ċittadini Russi. Madankollu Sasha stqarret li xorta tħoss l-imħabba għalihom. Hija qalet li tifhem li ħafna mill-ideat tagħhom, li l-biża’ u l-mibgħeda li għandhom lejn l-Ukrajna mhumiex sentimenti ġenwini iżda manipulazzjoni mill-midja Ukrena. Madankollu Sasha stqarret li minħabba l-istorja tagħha r-Russja qatt ma’ tista tinbidel, għaliex l-istorja tibqa tirrepeti lilha nnfisha, b’mexxej Russu ġdid jiddikjara gwerra fuq il-ġirien tiegħu b’mibegħda ġdida.

Waqt l-intervista tagħha ma’ Martin Azzopardi Sasha rringrazjat lil dawk il-pajjiżi kollha li offrew xi tip ta’ għajnuna lill-Ukrajna u liċ-ċittadini tagħha. Madankollu Sasha kompliet biex tgħid li sfortunatament l-Ukrajna u l-poplu Ukren għandu bżonn aktar għajnuna sabiex jkompli jipproteġi l-art tiegħu.

Minbarra li rringrazjat lil dawk il-pajjiżi li għenu lill-Ukrajna, Sasha rringrazzjat wkoll lill-Patrijiet Kapuċċini tal-għajnuna kollha li pprovdew kemm lillha u lil familtha, kif wkoll lil diversi familji Ukreni oħrajn li waslu s-Slovakkja sabiex jaħarbu mill-invażjoni Russa.

Tags