Lokali

Kappillan ġdid għall-Parroċċa ta’ San Ġwann

L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Patri Bertrand Vella tal-Aħwa Minuri Kapuċċini bħala kappillan tal-parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann. Patri Bertrand twieled fl-14 ta’ Ottubru 1977 u trabba Ħal Tarxien.

Huwa gradwat bħala għalliem tar-Reliġjon mill-Università ta’ Malta. Wara li fl-2006 daħal mal-Ordni tal-Aħwa Minuri Kapuċċini, huwa studja l-Filosofija fl-Istituto Teologico di Assisi fl-Italja u t-Teologija fl-Università ta’ Malta. Studja wkoll il-Kura Pastorali mal-Morda fl-Istituto Internazionale di Teologia Pastorale Sanitaria ‘Camillianum’ f’Ruma fl-Italja.

Huwa ġie ordnat saċerdot fit-3 ta’ Lulju 2015 u matul dawn l-aħħar sitt snin kien kappillan fl-Isptar Mater Dei. F’Mejju li għadda ġie magħżul bħala wieħed mill-kunsilliera tal-Ministru Provinċjal tal-Aħwa Minuri Kapuċċini. Il-parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann tiġbor fiha madwar 13,000 persuna.

Tags