Futbol Sport

L-ewwel rebħa tal-istaġun għal West Ham… Draw bejn Wolves u Newcastle, b’Tottenham jegħlbu lil Nott. Forest

West Ham United kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara erba’ logħbiet, b’gowl skurjat fit-tieni taqsima minn Pablo Fornals jagħti tlet punti prezzjużi lill-Hammers mill-konfront ma’ Aston Villa f’Villa Park. Il-Villains kellhom aktar mil-logħob tul id-90 minuta u anki kellhom ‘gowl’ imħassar ta’ Ezri Konsa meta r-referi ddeċieda li l-ballun kien mar ftit barra wara l-azzjoni ta’ Lucas Digne. Intant, West Ham tjiebu fit-tieni taqsima u Digne għamel tackle f’waqtu biex jevita azzjoni perikoluża ta’ Jarrod Bowen li kien sab ruħu żmarkat f’pożizzjoni ideali. Madankollu, il-gowl tal-Hammers kellu jasal kwarta mit-tmiem meta x-xutt ta’ Fornals laqat lil Konsa u spiċċa fix-xibka tal-gowlkiper Emiliano Martinez li ma seta’ jagħmel xejn f’din l-azzjoni.

Il-logħba f’Molineux bejn Wolves u Newcastle United spiċċat fi draw, 1-1, bl-attakkant tal-Geordies Allan Saint-Maximin jirriserva l-aktar mument drammatiku għad-90 minuta meta kiseb parità’ b’volley mill-isbaħ lejn ir-rokna tax-xibka.
Il-punt mirbuħ ‘in-extremis’ ifisser li Newcastle għadhom mingħajr telfa fil-league wara l-ewwel erba’ logħbiet. Intant Wolves għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun u meta jinsabu t-tieni mill-aħħar, bl-istess punteġġ (2) bħal Everton ( li bħal Wolves għadhom mingħajr rebħa). Wolves fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ seba’ minuti mill-misrieħ meta l-captain, Ruben Neves, ma ta l-ebda ċans lil Nick Pope b’xutt qawwi għar-rokna fuq l-assist ta’ Guedes.
It-tim tal-Midlands, fl-aħħar ħinjiiet, kellu ‘tieni gwol’ imħassar mill-VAR wara t-tentattiv ta’ Jimenez u imbagħad kien imis lil Saint-Maximin li jħassar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-partitarji ta’ Wolves bil-gowl spettakolari. Dan meta, fuq il-clearance żbaljat ta’ Hwang Hee-chan, l-attakkant Franċiż, minn ’tarf il-kaxxa, venven xutt li ħalla lill-gowlkiper Jose Sa iħares. Il-gowl ħasad bil-kbir lil Wolves u fil-ħin miżjud Newcastle marru qrib ir-rebħa meta Sa kellu jwettaq save diffiċli fuq l-istess Saint-Maximin, u bis-sostitut tal-Geordies Elliot Anderson jispiċċa jolqot il-mimduda bir-ras.

Tottenham kisbu rebħa ta’ 2-0 barra minn darhom għand Nottingham Forest biex telgħu fit-tielet post tal-klassifika b’10 punti. Huma marru fil-vantaġġ wara biss ħames minuti meta Dejan Kulusevski għadda lejn Harry Kane li xeħet fir-rokna tax-xibka, għal 187 gowl tiegħu fil-Premier League, b’Wayne Rooney u Alan Shearer ikun l-uniċi plejers li skorjaw iktar. Huma għalqu l-partita fil-81 minuta b’gowl ieħor ta’ Kane, wara li l-istess attakkant ra l-penalty tiegħu salvat, aktar kmieni fit-tieni taqsima.

PREMIER LEAGUE

Ilbieraħ: Southampton v Man Utd. 0-1, Man City v C’Palace 4-2, Liverpool v Borunemouth 9-0, Chelsea v Leicester 2-1, Brighton v Leeds 1-0, Brentford v Everton 1-1, Arsenal v Fulham 2-1 Illum, Wolves v Newcastle 1-1, Aston Villa v West Ham 0-1, Nott. Forest v Tottenham 0-2