Ir-Rotunda tal-Mosta, li hija waħda mill-iktar binjiet li toħloq interess fost it-turisti li jżuru pajjiżna, issa għandha sistema ġdida ta’ dawl.
Waqt serata organizzata quddiem il-Bażilika stess, għall-ewwel darba nxtegħlet is-sistema ta’ dawl, li hija mfassla biex toħroġ aħjar l-elementi arkitettoniċi tar-Rotunda.
Id-disinjatur artistiku tal-proġett, Franck Franjou, spjega li għall-kuntrarju tas-sistema l-antika, id-dawl ġdid huwa aktar effiċjenti fil-konsum tal-elettriku u għalhekk jiġġenera inqas tniġġis. Id-dawl ġdid huwa kkontrollat permezz ta’ sistema ċentralizzata, b’mod li jista’ jinbidel skont il-ħin u l-okkażjoni.
Min-naħa tiegħu l-Arċipriet tal-Mosta Dun Bastjan Caruana esprima sodisfazzjon għall-fatt li din il-ħolma ta’ bosta issa saret realtà. Sostna li kien hemm diversi persuni sew min-naħa tal-Knisja kif ukoll min-naħa tal-Istat li ħadmu flimkien b’dedikazzjoni. Xi wħud minn dawn il-persuni ħadmu b’mod volontarju u wrew impenn u mħabba lejn l-istess komunità Mostija, u lejn il-pajjiż kollu.
L-Arċipriet qal li dan il-proġett se jżid is-sens ta’ komunità, mhux biss fost min jipprattika l-fidi, iżda wkoll fost min japprezza l-valur artkitettoniku nazzjonali. Dan hekk kif ir-Rotunda hija apprezzata mhux biss mill-komunità Mostija, imma mill-poplu Malti kollu u l-ammont kbir ta’ turisti li jżuruha.