Lokali

Tkompli tikber il-qasma fil-kabinett tal-Ministri u fil-Partit Laburista

Il-logħba ta’ ingann minn Robert Abela u Clyde Caruana fil-konfront tal-għoli tal-ħajja tfisser biss kemm jittrattaw lill-Maltin u lill-Għawdxin bħala “Ġaħan” u li “tista’ tbellagħlhom li trid”.

Ministri fil-Kabinett ta’ Robert Abela huma mdejqa u mxebbgħa bil-mod kif qed jinħmew id-deċiżjonijiet f’Kastilja… jew minn fuq il-boat… hekk kif qed jistqarru li huma ma jaqblu xejn mal-politika ta’ ingann u daħk fil-wiċċ.

Ministri qed jilmentaw bejniethomu fi ċrieki li jafdaw, li Robert Abela għandu erba’ min-nies li huma leali u alleati tiegħu u mill-bqija ħadd ma fdat minnu la f’livell ta’ laqgħat tal-Kabinett tal-Ministri u wisq inqas fl-ogħla strutturi tal-Partit Laburista li attwalment qegħdin hemm litteralment għalxejn għaliex kollox hu deċiż minn Kastilja bejn l-istess erba’ min-nies.

Fuq quddiem nett tal-ingann tal-politika ta’ Robert Abela hemm il-kwistjonijiet tal-għoli tal-ħajja u l-futur tal-Air Malta fejn qed jidher b’mod ripetut il-Ministru filjozz Clyde Caruana li mhux fdat mill-kollegi Ministri.

Clyde Caruana hu wieħed mill-membri attivi fil-kitchen cabinett ta’ Robert Abela. Mill-bqija ftit mill-kumplament tal-Ministri huma fdati u l-mod kif qed ikunu deċiżi l-affarijiet ikomplu jwasslulhom dan il-messaġġ dirett.

Ministri Laburisti huma maħruqa għalkollox fil-konfront ta’ Robert Abela li issa, iffaċċjat minn djun dejjem jikbru fil-Kaxxa ta’ Malta, iridhom jissikkaw iċ-ċinturini. Mhux biss, iżda jridhom jagħmlu b’mod immedjat eżerċizzji ta’ cost cuttings fuq kull livell għaliex is-sitwazzjoni diġà ħarbet minn kull kontroll u l-affarijiet ma jawgurawx tajjeb.

Robert Abela, sostnut minn Clyde Caruana li saħansitra qed jagħmilha ta’ goaler fil-konfront ta’ diversi kwistjonijiet, qed jilgħab logħba ta’ ingann ukoll fir-rigward tal-għoli tal-ħajja, bil-messaġġ orkestrat u ppjanat hu li ż-żieda qawwija fl-aġġustament tal-għoli tal-ħajja (COLA) mhux se twassal biex ikun hawn il-qgħad u effetti negattivi la fuq l-għoli tal-ħajja u anqas fuq l-ekonomija tal-pajjiż.

Sa tul din il-ġimgħa stess il-Ministru Clyde Caruana nsista li mhux jara li se jkun hemm l-ebda riperkussjonijiet fuq is-suq tax-xogħol, u żied li s-suq tax-xogħol Malti qed jesperjenza nuqqas “sinifikanti” ta’ ħaddiema.

Dan il-messaġġ ta’ Robert Abela u Clyde Caruana qed jittieħed biż-żufjett mhux biss minn Ministri Laburisti kollegi, imma anki minn istituzzjonijiet bħall-Kamra tal-Kummerċ hekk kif bħal-lum ġimgħa stess Marisa Xuereb, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, wissiet li biż-żieda tal-COLA lil kulħadd, il-prezzijiet se jiżdiedu u se tiżdied l-inflazzjoni wkoll.

Ministri fil-Kabinett ta’ Robert Abela qed jgħidu li din il-logħba ta’ ingann minn Robert Abela u Clyde Caruana fil-konfront tal-għoli tal-ħajja tfisser biss kemm l-istess Robert Abela u Clyde Caruana jittrattaw lill-Maltin u lill-Għawdxin bħala “Ġaħan” u li “tista’ tbellagħlhom li trid”.

Għaliex, dejjem skont Ministri Laburisti, il-COLA li mistennija titħabbar fil-Baġit li jmiss se tkun tavviċina l-€10 fil-ġimgħa. Din mhix biżżejjed biex tiġġieled l-għoli tal-ħajja u tgħin lil min qiegħed fil-periklu tar-riskju tal-faqar jew lil dawk li diġà jinsabu fil-faxxa tal-faqar.

Ministri Laburisti huma xettiċi ħafna dwar din il-logħba ta’ Robert Abela u Clyde Caruana u qed jantiċipaw li b’din iż-żieda jista’ jkun hemm effetti f’żieda fil-qgħad u sussegwentement ukoll qed jistaqsu x’se jiġri jekk iż-żieda fil-pagi mhix se tibqa’ sostenibbli minħabba l-COLA.

L-istess Ministri Laburisti qed jgħidu bejniethom li hu kollu diskors fieragħ ta’ Robert Abela u Clyde Caruana li s-suq tax-xogħol Malti qed jesperjenza skarsezza ta’ ħaddiema u għalhekk ma jarawx possibbiltajiet ta’ effetti negattivi.

Fir-rigward tad-diskorsi li qed jagħmlu Robert Abela u Clyde Caruana rigward il-faqar, anki l-Partit Nazzjonalista matul din il-ġimgħa fetaħ għajnejn il-poplu u wissa li wasal baġit ieħor u Robert Abela u Clyde Caruana qed jerġgħu jagħmlu wiegħda li ma żammux fit-12-il xahar li għaddew.

Fil-fatt din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija ffirmata minn Jerome Caruana Cilia, Ivan Bartolo u Charles Azzopardi, qal li fil-baġit ta’ qabel l-Elezzjoni Ġenerali, il-Ministru tal-Finanzi kien wiegħed COLA speċjali għal dawk vulnerabbli u bi qligħ baxx. “Wasal baġit ieħor u Robert Abela u Clyde Caruana qed jerġgħu jwiegħdu wegħda li ma żammux.”

Il-Partit Nazzjonalista spjega li dawk vulnerabbli u bi qligħ baxx jixraqilhom li jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja b’mod dinjituż u li xirja li konna nixtru tliet xhur ilu, illum trid €100 aktar għaliha.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista tenna l-ħtieġa li, minħabba l-ispiża dejjem tikber tal-għoli tal-ħajja, aktar minn qatt qabel il-Gvern Laburista għandu jħares lejn id-dħul ta’ dawk vulnerabbli u bi qligħ baxx, kif ukoll li d-dħul ikun adegwat u ġust.

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex jiffoka u jara li jtaffi ftit mit-tbatijiet li dawk vulnerabbli u bi qligħ baxx jgħaddu minnhom ta’ kuljum minħabba, fost oħrajn, l-ispejjeż relatati ma’ numru ta’ servizzi, il-mediċini u l-bżonnijiet essenzjali ta’ kuljum, li dejjem qed jiżdiedu b’mod sproporzjonat.

Żied jappella wkoll biex l-isparpaljar tal-fondi pubbliċi jieqaf minnufih u biex, b’għaqal, b’immaniġġjar tajjeb u bi ppjanar serju, il-Gvern jara li f’dan iż-żmien ta’ sfida, kull min hu fil-bżonn, bħal dawk vulnerabbli u bi qligħ baxx, jingħataw l-għajnuna li tixirqilhom.

Lil hinn mill-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja, Robert Abela u Clyde Caruana qed jingannaw ukoll dwar il-futur tal-Air Malta u din hi kwistjoni oħra li qed iddejjaq lil għadd ta’ Ministri Laburisti li taħt imneħirhom qed jiġru dawn il-bużullotti.

Huma qed jgħidu li l-ħaddiema tal-Air Malta huma tassew kwieti biex jaċċettaw dak kollu li qed jiġri, bl-aħħar diskjarazzjoni ta’ Clyde Caruana tkun: “Nothing has gone wrong with Air Malta restructuring” meta hu sigriet magħruf li l-pjani ta’ Robert Abela u Clyde Caruana huma li jxolju lill-Air Malta u jwaqqfu kumpanija nazzjonali ġdida tal-ajru.

Ministri Laburisti qed jargumentaw li dwar l-Air Malta, Robert Abela u Clyde Caruana jmisshom ikunu ċari u ma jibqgħux jilagħbu għall-ħin bl-iskop li jgħaddi b’wiċċ il-ġid l-istaġun tas-sajf u s-safar.

“Kemm Robert Abela u anki Clyde Caruana jafu li l-istate aid għall-Air Malta għadu ma kienx approvat mill-Kummissjoni Ewropea u għalhekk il-pjani tagħhom huma li jagħlqu lill-Air Malta u li jwaqqfu kumpanija ġdida. Iżda lill-ħaddiema qed iżommuhom fil-għama u mhux biss ma jikkonsultawhomx u ma jkellmuhomx, iżda talli jinqdew bil-midja biex jgħaddu messaġġi li jikkonfondu lil dak li jkun.”

Dwar l-Air Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’dawn il-jiem qal li din tinsab f’sitwazzjoni ta’ inċertezza kbira hekk kif Gvern Laburista f’dawn l-aħħar disa’ snin falla l-linja nazzjonali tal-ajru ta’ pajjiżna. Dan hekk kif il-Gvern qatt ma kellu pjan serju ta’ kif isaħħaħ lil din il-kumpanija.

Bernard Grech spjega tajjeb kif il-ħaddiema tal-Air Malta kienu mwiegħda bosta affarijiet li qatt ma kienu implimentati… anzi kienu pjanijiet li sfaxxaw fix-xejn… biex issa qed tinħareġ informazzjoni dwar il-pjani tal-Gvern li jagħlaq lill-Air Malta u jitfa’ lill-ħaddiema ’l barra mill-kumpanija biex il-Gvern ikun jista’ jwaqqaf linja oħra nazzjonali tal-ajru u jimpjega lil min irid hu fiha.

Tags