It-territorju ta’ Ġibiltà fl-aħħar sigħat assuma t-titlu uffiċjali ta’ belt – proprju 180 sena wara li kien ingħata dan l-istatus mingħand ir-Reġina Victoria tal-Ingilterra.
L-istatus ġdid kien ikkonfermat wara t-talba speċifika tal-awtoritajiet f’Ġibiltà u bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew tal-Platinum tar-Reġina Eliżabetta.
Ġibiltà – li magħrufa wkoll bħala The Rock ( Il-Blata) — ilha għal dawn is-snin kollha bl-istatus ta’ British overseas territory. Intant, u ladarba r-riċerkaturi analizzaw l-Arkivji Nazzjonali, huma sabu li Ġibiltà kienet rikonoxxuta diġà bħala belt, fl-1842, waqt l-era tar-Reġina Victoria.
Kompetizzjoni speċjali fl-okkażjoni tal-Ġublew tar-Reġina Eliżabetta – li ilha 70 sena fuq it-tron tal-Ingilterra – ippermettiet biex numru ta’ zoni japplikaw għall-istatus ta’ belt u li kienu jinkludu Doncaster ( fl-Inglterra). Bangor (f’ Wales) u Dunfermline (fl-Iskozja).
Ġibiltà ilha bħala territorju taħt is-sovranità Britannika mill-1713, meta l-art kienet għaddiet għal taħt idejn ir-Renju Unit skont trattat għall-paċi li kien iffirmat wara l-Gwerra għas-Suċċessjoni Spanjola. Dan il-konflitt mifrux madwar il-kontinent kien jinvolvi diversi potenzi Ewropej u dam mill-1701 sal-1714 – bi Franza toħroġ bħala t-telliefa l-kbira.
Sadanittant, il-konferma tal-istatus ta’ belt mgħandhiex tissarraf f’daqstant benefiċċji materjali għal Ġibiltà. Madankollu, il-komunitajiet ta’ dan it-territorju minn issa se jibdew igawdu prominenza akbar fuq il-mappa tal-Ewropa u għas-sodisfazzjon ġenerali tar-residenti.
//= $special ?>

