Rowen Camilleri
HIBERNIANS…………1
ĦAMRUN S……………4
Hibernians: I. Kone, F. Apap, G. Llerena, T. Aldama, J. Grech, J. Degabriele, B. Kristensen, A. Agius (G. Mensah 90+7), G. Artiles (J. Zerafa 82’), O. Muritala (J. Morillas 67’), A. Diakite
Ħamrun S: H. Bonello (S. Sultana 67’), S. Borg, M. Guillaumier, E. Mashike, J. Soares (B. Emerson 81’), R. Prsa, O. Bjelicic, J. Corbalan (M. Sowe 67’), Jonny (L. Montebello 81’), E. Marcelina, R. Camenzuli
Imwissija: R. Prsa 10’, E. Marcelina 88’ (Ħa), G. Llerena 10’ (Hi)
Skorjaw: E. Marcelina 6′, Jonny 21’, E. Mashike 104’, 108’ (Ħa), J. Degabriele 73’ (Hi)
Referee: Ishmael Barbara
Assistenti Referees: Roberto Vella u Duncan Spencer
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Elvis Mashike (Ħamrun Spartans)
BOV Plejer tal-logħba: Emerson Marcelina (Ħamrun Spartans)
Wara esperjenza mill-aqwa fl-Europa Conference League, Ħamrun Spartans bdew bl-impenji tagħhom fil-Kampjonat Premier b’rebħa ta’ 4-1 fuq iċ-champions Hibernians. Ħamrun daħlu jistrieħu b’żewġ goals vantaġġ iżda b’Hibernians itejbu l-logħob tagħhom fit-tieni taqsima rnexxilhom jidħlu fil-partita b’goal fit-73 minuta. Dan ma’ kienx biżżejjed għax Ħamrun irnexxilhom jerġgħu jiskorjaw darbtejn oħra permezz ta’ Elvis Mashike fil-104 u fil-108 minuta li qatel kull tama għal tal-Pagun
Ħamrun mill-ewwel tefgħu lill-avversarji jiddefendu f’nofs pitch u wara biss sitt minuti fetħu l-iskor minn free kick mil-lemin li nkariga minnu Roko Prsa li tefa’ kross fil-kaxxa li sab lil EMERSON MARCELINA li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Kone. Erba’ minuti wara minn pass mingħand il-goalkeeper Kone kien Degabriele li ħarab lid-difensuri u malli ġie ssikat prova bix-xellug b’Henry Bonello jkollu jdawwar f’korner.
Ħamrun għamluhom tnejn fil-21 minuta meta Elvis għadda ballun tajjeb lejn JONNY li għal darb’oħra rnexxilu jidħol fil-kaxxa u minn pożizzjoni simili din id-darba tefa’ wara Kone għal 2-0. Ħamrun baqgħu aħjar mill-avversarji u fis-27 minuta marru viċin it-tielet gowl. Kien pass vertikali mill-isbaħ ta’ Matthew Guillaumier lejn Dodo li avvanza ‘l quddiem u ssikat minn difensur ta’ Hibs venven xutt b’saħħtu li stampa mal-mimduda. Fit-38 minuta Jake Grech għal Hibernians jitfa’ kross fil-baxx lejn Jurgen Degabriele li minn qagħda favorevoli spara għoli.
Ħames minuti mill-bidu tat-tieni taqsima ċans tajjeb għat-tim ta’ Andrea Pisanu meta minn korner ta’ Degabriele kien Llerena li kompla bir-ras lejn Andrei Agius li b’xi mod laqat il-ballun iżda sab lil Corbalan li tajjar minn fuq il-linja. Il-partita kellha waqfa twila minħabba inċident bejn Muritala u l-goalkeeper ta’ Ħamrun Henry Bonello, liema inċident temm il-partita għat-tnejn li huma u bil-konsegwenza li l-ħin addizzjonali wara l-ħin regolamentari kien ta’ 20 minuta.

Fit-73 minuta Hibernians daħlu lura fil-partita meta Jake Grech minn max-xellug qassam fil-kaxxa lejn JURGEN DEGABRIELE li minn quddiem Steve Sultana ma’ żbaljax. Fit-83 minuta s-sostitut Luke Montebello avvanza fil-kaxxa avversarja u x-xutt fil-baxx tiegħu ħabat mal-wieqfa qabel kien imtajjar mid-difiża ta’ Hibs. Fil-ħin miżjud il-partita żammet l-intesità għolja li kellha fil-maġġoranza tagħha u fis-97 minuta Elvis żmarka ruħu tajjeb iżda kif prova jaqbeż lill-goalkeeper intlaħaq minn Llerena bil-konsegwenza li l-attakkant ta’ Ħamrun ikkometta foul u l-azzjoni sfumat fix-xejn. Fil-104 minuta Ħamrun skorjaw it-tielet goal meta l-istess ELVIS MASHIKE reġa ħarab lid-difiża u din id-darba rnexxilu jaqbeż lil goalkeeper u tefa’ fix-xibka. Ħamrun ma’ kienux lesti u fil-108 minuta għamluhom erba’ bil-plejer ELVIS MASHIKE jgħaqqad dopjetta personali minn azzjoni personali u jitfa’ l-partitarji Ħamruniżi f’dillirju ta’ ferħ.
//= $special ?>