Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: L-ispetturi tan-NU se jinvestigaw is-sitwazzjoni fl-akbar faċilità nukleari fl-Ewropa

Grupp ta’ spetturi mill-International Atomic Energy Agency (IAEA) jinsabu fi triqithom lejn il-faċilità nukleari ta’ Zaporizhzhia, fl-Ukrajna, biex jaraw b’għajnejhom is-sitwazzjoni perikoluża li żviluppat f’dan is-sit.

L-IAEA qed isservi bħala l-osservatur tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam nukleari u d-Direttur-Ġenerali tal-aġenzija, Rafael Grossi, qal li l-ispetturi mistennija jaslu f’dik il-faċilità aktar ‘il quddiem din il-ġimgħa.

Il-faċilità inkwistjoni ilha l-ġimgħat isservi bħala zona ta’ gwerra u meta l-qawwiet Russi qegħdin jużaw l-inħawi biex jattakkaw lill-qawwiet Ukreni flimkien mal-ibliet u l-villaġġi tal-madwar.

Is-sitwazzjoni saret perikoluża għall-aħħar minħabba s-sogru kbir ta’ xi katastrofi nukleari dovuta għall-ġlied u li tista’ anki tissupera l-isplużjoni nukleari storika tas-snin tmenin fl-impjant ta’ Chernobyl ( fl-Ukrajna).

Rafael Grossi insista dwar il-ħtieġa li l-aġenzija tipproteġi s-sigurtà tal-faċilità li hi l-akbar waħda fl-Ukrajna u anki l-Ewropa.

Dan waqt li l-Ukrajna u r-Russja qegħdin jakkużaw lil xulxin dwar il-bumbardamenti kontinwi li qed isiru fil-viċinanzi tal-faċilità.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal, xi jiem ilu, li l-Ewropa kienet pass biss ‘il bogħod minn traġedja nukleari li setgħet irriżultat f’ firxa ta’ radjazzjoni madwar il-kontinent.

Dan wara li l-faċilità kienet skonnettjata għal xi żmien minn mas-sistema tad-dawl fl-Ukrajna u bis-sitwazzjoni taqleb biss għall-aħjar  wara li kienu attivati l-ġeneraturi tal-kumpless li s-soltu jintużaw għall-emerġenzi.

Sadanittant, l-osservaturi barranin ma setgħux jipprovdu dettalji dwar kif żvolġiet tassew dik is-sitwazzjoni, bir-Russja qed tkompli tinsisti li ma kellhiex x’taqsam mal-iżviluppi periklużi.

Il-militar Russu ilu minn Marzu jokkupa l-faċilità ta’ Zaporizhzhia u meta l-kumpless għadu qed jitħaddem mill-ħaddiema Ukreni taħt kundizzjonijiet diffiċli.

Il-Kremlin ta’ Moska, fl-aħħar jiem, indika li kellu jippermetti biss il-preżenza tal-ispetturi barranin f’dan il-kumpless – u ż-żjara fl-Ukrajna mir-rappreżentanti tal-IAEA mistennija titfa dawl fuq dak li għaddej tassew fl-inħawi tal-faċilità.

L-Ukrajna, qabel, kienet qed tinkwieta li l-missjoni tal-IAEA lejn Zaporizhzhia tista’ tilleġitimizza l-okkupazzjoni tal-faċilità mir-Russi, iżda l-Ukreni, issa, qegħdin jaqblu dwar il-ħtieġa ta’ din iż-żjara.

Dan ukoll wara li Rafael Grossi wissa li kważi kuljum qed jinqala’ xi inċident ġdid f’dik il-faċilità nukleari u l-madwar u meta ‘l-Ewropa ma taffordjax li titlef aktar żmien biex tindirizza l-periklu’.