Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: Miljuni ta’ familji għandhom ibatu l-piż insostenibbli tal-prezzijiet tal-enerġija b’konsegwenza tal-gwerra fl-Ukrajna

Il-familji residenti fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qed jiffaċċjaw emerġenza tal-enerġija li kapaċi ddum għal snin f’każ li ma jsir xejn biex jonqsu l-prezzijiet insostenibbli tal-gass naturali.

Dan meta l-prezzijiet qegħdin jifnu lill-intrapriżi medji u żgħar kif ukoll lin-nies bi dħul limitat. Qed jispikkaw ukoll is-sejħiet biex l-UE tikkontrolla aħjar dawn il-prezzijiet waqt li tintroduċi sistema biex il-kontijiet tal-gass ma jibqgħux inklużi mal-kontijiet tal-elettriku.

Il-pajjiżi tal-UE qegħdin ibatu bil-kbir f’sitwazzjoni fejn il-prezz tal-enerġija kompla jogħla b’rata allarmanti minn mindu l-qawwiet armati Russi invadew lill-Ukrajna fi Frar – u bil-Punent għadu qed jimponi s-sanzjonijiet għall-esportazzjoni tal-gass mir-Russja.

Fl-aħħar xhur, il-pajjiżi li qed jappoġġjaw lill-Ukrajna f’dan il-konflitt għamlu minn kollox biex jaqtgħu l-importazzjoni tal-gass u ż-żejt mingħand ir-Russja. Intant, ir-Russja, li s-sena l-oħra kienet ipprovdiet lill-UE b’talanqas 40 fil-mija tal-provvisti tal-gass għal tnax-il xahar, bħalissa qed tnaqqas mill-provvista tal-gass minbarra li qed taħraq kwantitajiet ta’ gass ekwivalenti għal miljuni kbar tal-ewro u li ma jistax jinbiegħu f’dawn iċ-ċirkustanzi,

Il-Ministru Belġjan għall-Enerġija, Tinne Van der Straeten, kitbet fuq Twitter li l-prezzijiet tal-gass għall-Ewropa jeħtieġu jkunu ffriżati b’urġenza f’din is-sitwazzjoni diffiċli. Hi sostniet ukoll li r-rabta bejn il-prezzijiet tal-gass u l-elettriku hi waħda artifiċjali u teħtieġ tgħaddi minn riforma.

‘L-istaġuni tax-xitwa, fis-snin li ġejjin, għandhom ikunu terribbli għaċ-ċittadini tal-Ewropa jekk ma ssirx xi ħaġa issa’, sostniet Van der Straeten –  filwaqt li enfasizzat mill-ġdid għal azzjoni fuq livell Ewropew flimkien ma’ inizjattivi ġodda mirati għall-iffriżar tal-prezzijiet tal-gass.

Sadanittant, il-prezzijiet tal-elettriku wkoll telgħu sew madwar l-Ewropa – tant li laħqu livelli rekord ftit tal-ġranet ilu.

Min-naħa tiegħu, il-Kanċillier tal-Awstrija, Karl Nehammer wissa li l-Ewropa għandha tindirizza dawn l-iżviluppi insostenibbli fis-suq tal-enerġija, fost l-insistenza li l-prezz tal-elettriku jonqos fuq livell pan-Ewropew. Nehammer anki għamilha ċara li ‘l-Eweropa ma tistax tippermetti li l-President Russu Vladimir Putin jiddetermina, kuljum, il-prezzijiet tal-enerġija għall-Ewropej.’

Fl-istess ħin, il-Ġermanja – li fl-2020 kienet l-akbar importatur tal-gass mingħand ir-Russja – qed tagħmel li tista’ biex issaħħaħ ir-riservi tal-gass qabel it-xitwa u minkejja li r-Russja waqqfet il-kunsinni lejn dan il-pajjiż.