Sport Waterpolo

Malta tipprova tillimita d-danni kontra l-qawwa Kroata fl-ewwel logħba waqt il-Kampjonat Ewropew

(Ritratt: LEN)

Rapport: Stewart Said

MALTA……………….. 5

KROAZJA………….. 19

(0-2), (1-3), (2-7), (2-7)

Kif mistenni debutt diffiċli għat-tim nazzjonali Malti fil-fażi finali tal-35 edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew. Kontra l-organizzaturi l-Kroazja ftit kien mistenni mit-tim Malti iżda għalkemm id-distakk finali juri telfa ċara, il-prestazzjoni tal-Maltin ma kinitx daqstant negattiva meta wieħed jikkunsidra l-qawwa tal-avversarji.

Dan kien it-tieni konfront ta’ Malti fil-fażi finali kontra l-Kroazja. Sitt snin ilu, il-Kroati kienu ħarġu rebbieħa 22-2. It-tim Malti kien jinsab mingħajr Stevie Camilleri, Jerome Gabarretta, Jordan Camilleri u Jake Muscat li għal raġunijiet diversi ma jinsabux parti mill-iskwadra finali.

Minkejja d-distakk finali, wieħed ma jistax iħalli barra l-prestazzjoni tal-gowlkiper Jake Tanti li bl-interventi tiegħu fil-lasta, ċaħħad lill-Kroati minn rebħa ikbar.

Loren Fatovic u Filip Krzic taw vantaġġ doppju lit-tim Kroat wara żewġ kontrattakki. It-tim Malti beda jipprova jżomm il-pussess kollu filwaqt li f’xi okkażjonijiet seta’ anki wasal l-ewwel gowl Malti. Il-gowlkiper Malti Jake Tanti beda jiddistingwi ruħu fil-lasta Maltija hekk kif beda jċaħħad lill-Kroati milli jkabbru l-iskor. Kif mistenni, il-Kroazja qatt ma tilfet il-kontroll tal-logħba iżda forsi ma kabbrux il-vantaġġ kif riedu.

It-tim Malti rnexxielu jnaqqas id-distakk għal 5-2 b’gowls lejn tmiem it-tieni sessjoni minn Ben Plumpton u gowl mis-centre ta’ Matthew Zammit fil-bidu tat-tielet sessjoni.

Iżda l-Kroati għollew il-livell tal-prestazzjoni u bdew jiddistakkaw ruħhom bi tliet gowls fi ftit ħin, liema gowls ġew segwiti minn erbgħa oħra konsekuttivi fit-tieni parti tas-sessjoni għal vantaġġ ta’ 12-2. Dino Zammit naqqas id-distakk minn man-up fl-aħħar xutt tat-tielet sessjoni.

L-andament baqa’ ma nbidilx, bl-għajja tibda tagħmel ftit tagħha wkoll fuq il-plejers Maltin. Il-Kroazja kompliet tkabbar il-vantaġġ għal 16-3 sakemm Matthew Zammit skorja darbtejn fi ftit ħin għal 17-5. Konstantin Kharkov skorja darbtejn fl-aħħar minuta u ssiġilla r-rebħa.

Malta tilgħab it-tieni logħba kontra l-Greċja l-Erbgħa fl-10.30am.

Malta: J. Tanti, S. Gialanze, A. Galea, J. Gambin, Da. Zammit, M. Zammit (3), B. Plumpton (1), N. Bugelli, J. Abela, N. Zammit, B. Cachia, Di. Zammit (1), N. Grixti

Kroazja: M. Bijac, R. Buric (3), L. Fatovic (5), I. Krapic (1), F. Lazic, L. Bukic (1), F. Krzic (1), M. Zuvela (2), J. Marinic Kragic (4), J. Vrlic, A. Basic, K. Kharkov (2), T. Popadic

Referees: Stanko Ivanovski (Montenegro), Erkan Turkkan (Turkija)