Awtur: Joe Cassar
Imprenditur Malti ta’ 37 sena, li talab li ismu ma jkunx żvelat, xtara, f’irkant reċenti online, flixkun inbid rari Olivier Bernstein Romanée-St-Vivant tal-2017 għal 57,000 sterlina, li jammontaw għal madwar €67,000.
Irkantatur tal-kumpanija CultX qal li dan il-prezz irreġistra rekord ġdid għall-inbejjed Franċiżi Burgundy. Cult Wines issieħbu ma’ Olivier Bernstein biex offrew dan il-flixkun inbid rari għal irkant li attira kollezzjonisti tal-inbejjed rari minn pajjiżi differenti madwar id-dinja.
Sitt persuni kkompetew għall-ogħla prezz finali u bejniethom poġġew madwar 20 offerta sakemm meta l-irkant kien wasal fl-aħħar żewġ minuti tiegħu waslet l-offerta ta’ £57,000 mill-imprenditur Malti li ħalliet lill-ħames persuni l-oħra bla risposta.
Kelliem għal Cult Wines qal li għal xi wħud din is-somma għal flixkun inbid tidher waħda astronomika, iżda għall-aqwa kollezzjonisti ta’ nbejjed ta’ din il-kwalità ma kinetx sorpriża kbira li dan il-flixkun tant rari tella’ din is-somma kbira ta’ flus meta wieħed jikkonsidra l-iskarsezza għal inbejjed ta’ din ix-xorta madwar id-dinja. Somma flus offruta li tat sodisfazzjon u prestiġju kbir lill-kumpanija Burgundy.
Hu kompla jgħid li “minkejja fatturi ekonomiċi mhux wisq favorevoli, aħna bqajna nsibu domanda qawwija minn investituri u kollezzjonisti minn madwar id-dinja biex jakkwistaw l-aktar inbejjed ta’ kwalità rari u esklussivi li aħna minn żmien għal żmien nipproduċu u noffru fi rkant għal persuni bħal dawn.”
Meta kien mistoqsi dwar ir-rebbieħ ta’ dan l-aħħar irkant tagħhom, il-kelliem għal Cult Wines qal biss li hu persuna ta’ 37 sena minn Malta li, iżda, ma xtaqx li jissemma b’ismu.
Il-Malti rebbieħ ta’ dan l-irkant kien mistieden, flimkien ma’ ħames mistednin oħra, għal ikla komplita bi nbejjed oħrajn esklussivi, mal-produttur famuż ta’ nbejjed esklussivi Olivier Bernstein fil-proprjetà tiegħu f’Beaune, fil-Lvant ta’ Franza, meqjusa bħala l-kapitali tal-produzzjoni ta’ nbejjed esklussivi li tinsab bejn Lyon u Dijon.
L-irkant simili li jmiss minn Cult Wines, platform diġitali li torganizza irkant minn żmien għal żmien bi nbejjed li jiswew flejjes kbar, mistenni jsir lejn tmiem Settembru li ġej.
//= $special ?>