Internazzjonali

NASA: Pospost it-tlugħ tar-rokit minħabba problemi fil-magni

It-tlugħ ta’ rokit min-NASA (l-aġenzija spazjali tal-Istati Uniti) kellu jkun pospost għal darb’oħra wara li r-rokit żviluppa problemi fil-magna.

Dan it-tlugħ kellu jsir bħala parti mill-proġett Artemis u bil-ħsieb li, ‘il quddiem, ikunu jistgħu jittellgħu mill-ġdid l-astronawti fuq il-qamar. Intant, in-NASA kellha sa sagħtejn żmien biex tikkonkludi l-proċess tal-lift off mill-Kennedy Space Center ta’ Florida – iżda t-tlugħ ma sarx wara li l-inġiniera ma rnexxilhomx isolvu l-problemi tekniċi.

Il-proġett Space Launch System tan-NASA għandu l-għan li jtella l-kapsula spazjali Orion (mingħajr ekwipaġġ) li mistennija tivvjaġġa madwar il-parti ta’ wara tal-qamar.

In-NASA qed tittma li sal-2025 tkun tista’ ittella l-astronawti fuq wiċċ il-qamar għall-ewwel darba f’50 sena iżda għalissa, il-kunċett esploratorju tal-missjoni ma tippermettix għall-preżenza umana fil-kapsula.