Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’€28,000 fuq ħasil ta’ flus u dħul mhux dikjarat

Mara ta’ 46 sena minn Ħal Għaxaq ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultata €28,000 mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li nsabet ħatja ta’ ħasil ta’ flus u li ma ddikjaratx id-dħul tagħha mill-qari tax-xorti. Fil-qorti ħareġ ukoll minn diversi xhieda li hija kienet tagħmel il-magħmul fuq ħaddieħor u saħansitra seħer fuqhom.

Maria Magdalena Sultana kienet wieġbet mhux ħatja li f’Awwissu 2021, u fis-snin ta’ qabel, trasferixxiet propjetà li kienet taf li kienet ġejja minn attività kriminali. Hija nstabet ħatja wkoll li wettqet frodi, billi għamlet qligħ b’qerq għad-dannu tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u li għamlet dikjarazzjoni falza mal-Kummissarju tat-Taxxa.

Sultana kienet qed tiġi mixlija wkoll li bejn l-2009 u l-2021 wettqet reat fi żmien meta kien hemm fis-seħħ żewġ sentenzi ta’ ħabs sospiżi, żewġ ordnijiet ta’ probation, żewġ sentenzi li fihom kienet illiberata bil-kundizzjoni u digriet fejn inħelset mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

Il-Maġistrat Frendo Dimech kellha kliem iebes fil-konfront ta’ Sultana u qalet li fl-aħħar sentejn Sultana kienet obbligata tiddikjara d-dħul imma dan m’għamlitux. Qalet li l-ħatja ma ddejqet xejn tisfrutta l-vulnerabilità ta’ persuni li fittxew dak li f’għajnejhom kien jammonta għall-għajnuna tagħha.

“Wieħed ma jridx jinsa li saħansitra kien hemm min ikkontempla li jagħmel suwiċidju u għadu taħt kura kawża tal-viżti li kellu mal-imputata, li għandha wkoll kondotta “imżewwqa għal aħħar” u ħareġ biċ-ċar li m’għarfitx issarraf f’ġid għaliha l-opportunitajiet mogħtija lilha fil-passat minn diversi qrati”, sostniet il-Maġistrat.

L-Ispettur Joseph Xerri, li investiga l-każ, qal lill-Maġistrat Frendo Dimech, kif il-Pulizija kienet irċeviet rapport li l-akkużata kienet qed tilgħab ammont sostanzjali ta’ flus f’diversi casinos li kienu akbar mill-flus li kienet taqla’. Il-Pulizja talbet għall-informazzjoni dwarha ma’ diversi entitajiet fosthom Jobsplus, id-Dipartiment tal-VAT, id-Dipartiment tat-Taxxa u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Mill-investigazzjoni ħareġ li bejn l-2009 u l-2020 hija lagħbet madwar €200,000 fil-casinos u li fuq Facebook ħolqot profil bl-isem Meg Sultana fejn bdiet toffri servizz ta’ qari tax-xorti. Maż-żmien hija bdiet tuża profil ieħor fuq Facebook, Fortune Teller, fejn kienet toffri qari tax-xorti għall-prezz ta’ €20 inkella €35.

Meta l-pulizija marru fir-residenza tagħha sabulha ammont kbir ta’ kaxxi tal-inċens, pakkett tal-ħwawar, mazzijiet ta’ karti tal-qari tax-xorti, Ouija board, żewġ envelops bi €3,680 u €440 fi flus kontanti f’kexxun. Numru ta’ nies xehdu li marru jaqraw ix-xorti fejn uħud qalu li kienu jħallsuha biex tagħmel xi seħer fuqhom jew biex iġġib saħta fuq oħrajn. Hija qatt ma kienet tagħtihom irċevuti fiskali.

Rappreżentant ta’ Jobsplus xehed li l-aħħar li ħadmet kien f’Diċembru 2008, rappreżentant tad-Dipartiment tas-Servizz Soċjali qal li bejn l-2008 u l-2021 tħallset €56,000 f’benefiċċji waqt li rappreżentanti tal-Kummissarju tat-Taxxa qal li bejn l-2008 u l-2009 ma ddikjarat ebda dħul.

Il-Maġistrat fis-sentenza tagħha qalet ukoll li ħadet ukoll konsiderazzjoni tal-fatt li dan hu każ ta’ Self-Laundering, għemil sforz il-vizzju tal-logħob u mhux xi tip ta’ riċiklaġġ ta’ natura elaborata. Ma dan tiżdied konsiderazzjoni oħra, dik li meta jitqies kemm lagħbet Sultana u kemm rebħet jidher biċ-ċar li hi ħarġet telliefa aktar milli ħarġet rebbieħa.

Madankollu l-Qorti qalet li f’dawn iċ-ċirkostanzi l-Qorti ma tqisx li piena karċerarja tkun piena idoneja. Minbarra s-sentenza ta’ ħabs sospiża u l-multa l-Maġistrat Frendo Dimech ordnat ukoll il-konfiska tal-propjetà mobbli u mmobbli favur il-Gvern u l-konfiska ta’ €4,000 li fuqhom ingħatat il-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor.