Internazzjonali Lokali

Surġent imwieled minn ġenituri Maltin ikkundannat fuq spjunaġġ 66 sena ilu – L-RAF titlob għal reviżjoni tal-każ

Qed isir minn kollox biex isem James Zarb, pilita li kien serva mar-Royal Air Force bħala Surġent fis-snin ħamsin, jitnaddaf wara li kien spiċċa l-ħabs fuq allegat spjunaġġ fl-Eġittu. Zarb, imwieled minn ġenituri Maltin, kien fiċ-ċentru tal-aħbarijiet fl-1956 meta kien ġie kundannat 10 snin ħabs, li minnhom kien serva biss erba’ snin u nofs.

Hu kien irritorna l-Ingilterra fl-1961 fejn kien ingħaqad ma’ martu u wliedu, żewġt ibniet u tifel. Minkejja li għadda dan iż-żmien kollu, għall-Forzi tal-Ajru Ingliża, l-każ għadu mhux magħluq kompletament, bl-RAF qed tagħmel minn kollox biex tnaddaf ismu.

Zarb kien sar l-istorja ewlenija tal-aħbarijiet fl-Ingilterra wara li kien spiċa l-ħabs bl-isem ta’ Turah fil-Kajr fuq akkuża “li aġixxa bħala aġent Brittaniku”. Huwa kien jaħdem mal-RAF matul it-Tieni Gwerra Dinija, fejn kiseb il-grad ta’ Surġent. Wara l-gwerra huwa kien qatta’ sena f’Belgrad mal-Missjoni Militari, qabel ma’ mar joqgħod f’Alexandra, l-Eġittu, fejn hemm iżżewweġ, beda familja u waqqaf negozju li kien wieħed ta’ suċċess.

Madankollu huwa kien spiċċa arrestat f’Awwissu tal-1956 u spiċċa f’ċella fil-kapitali Eġizzjana. Wara kampanja twila biex huwa nħeles, sal-lum ir-RAF Ingliża għada qed tipprova biex ismu ma jibqax jiġi ttimbrat bħala spija. It-talba saret biex jiġi revedut il-każ ta’ Zarb, li kien spiċċa l-ħabs meta kellu biss 42 sena.

Sa minn dak inhar li ġie kundannat, l-RAF bdiet tagħmel minn kollox biex il-każ jiġi rivedut u fil-bidu ta’ din is-sena saret talba oħra.  Wara li nħeles u wasal l-Ingilterra u baqa’ jgħix hemm. Mal wasla tiegħu fis-7 ta’ Frar tal-1961, għexieren ta’ ġurnalisti kienu marru jilqgħuh fl-ajruport internazzjonali ta’ Heathrow u Zarb, kien deher ukoll fil-programm televiżiv “This Is Your Life”, fuq il-BBC.   

Il-mara ta’ Zarb li kienet intervistata wkoll mill-BBC kienet qalet li hija kienet semgħet bl-aħbar tal-ħelsien ta’ żewġha minn fuq l-istazzjon nazzjonali Ngliż. Il-ħelsien tiegħu kien iffirmat mill-President Eġizzjan ta’ dak iż-żmien Gamal Abdel Nasser Hussein fil-lejl ta’ qabel wasal l-Ingilterra,

Kien ġie rrappurtat li Zarb kien bnidem ħieles nofs siegħa qabel l-ambaxxata Ingliż ġiet infurmata. Il-familja ta’ Zarb kienet qattgħet il-Milied tal-1960 miegħu fil-ħabs Eġizzjan wara li kienet ingħatat il-permess mill-awtoritajiet tal-pajjiż. Fl-aħħar kollox kien spiċċa b’wiċċ il-ġid b’Zarb jerġa’ jingħaqad ma’ martu u wliedu.