Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Tiħrax il-battalja għal Kherson, bl-Ukreni jirrappurtaw dwar is-suċċessi militari

Il-qawwiet tal-Ukrajna fil-preżent qegħdin imexxu kontro-offensiva fuq diversi fronti biex jieħdu lura l-artijiet li waqgħu f’idejn it-truppi tar-Russja u meta l-gwerra tal-art f’dan il-pajjiż tidher li qed tavviċina fażi sinifikanti.

Intant, ir-rapporti minn Kiev u Moska huma konfliġġenti — bl-Ukreni qed jgħidu li kisbu numru ta’ suċċessi fil-battalja għal Kherson li kienet fost l-ewwel bliet prinċipali li spiċċaw ikkontrollati mill-militar tal-President Russu Vladimir Putin.

Kherson għadha sallum okkupata mir-Russi, iżda l-militar Ukren qed jgħid li, fl-aħħar sigħat, irnexxielu jeqred diversi ‘punti ta’ riferiment’ għas-suldati Russi f’dik il-belt. Qed jingħad ukoll li t-truppi Ukreni wettqu sensiela ta’ rejds effettivi fejn anki qered il-ħażniet tal-armamenti tar-Russi fl-inħawi.

L-aħħar rapporti qed jingħataw meta l-qawwiet Ukreni  ilhom il-ġimgħat iwettqu l-attakki bil-ħsieb li jiżolaw lill-militar Russu fid-diversi bnadi lejn in-nofsinar tal-Ukrajna.

Sadanittant, ir-Russja ċaħdet li qed iġġarrab aktar telfiet fuq il-kampijiet tal-battalja u – għall-kuntrarju – insistiet li t-truppi tagħha qatlu numru konsiderevoli ta’ suldati Ukreni. L-istess kelliema f’Moska qegħdin jgħidu wkoll lil-Ukreni ‘fallew milli jieħdu lura l-artijiet ikkontrollati mis-suldati tal-Kremlin.’

Madankollu, il-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit ikkonferma li l-Ukreni qegħdin jużaw b’suċċess l-armamenti sofistikati li qed jingħatawlhom mill-Punent biex  jirreżistu aħjar l-invażjoni tal-qawwiet Russi. Qed jingħad ukoll li r-Russja qed tiffaċċja numru ta’ problemi hi u torganizza mill-ġdid lill-qawwiet tagħha madwar Kherson – u waqt li l-Ukreni qegħdin ikomplu b’din l-offensiva.

Fl-istess ħin, kelliema għall-Gvern tal-Istati Uniti – filwaqt li ma kkonfermawx id-dettalji dwar din il-kontro-offensiva tal-Ukreni —  qalu li l-osservaturi tagħhom qegħdin jaraw spinta fl-attività militari fiz-zona ta’ Kherson.