Internazzjonali

Il-Pakistan: Terz tal-pajjiż taħt l-għargħar fost ix-xeni apokalitiċi

Ix-xita u l-għargħar li qed iwasslu għal ħafna sitwazzjonijiet katastrofiċi fil-Pakistan jirrikjedu sforz kollettiv mill-pajjiżi tad-dinja biex tasal l-għajnuna lill-komunitajiet li qegħdin jiffaċċjaw ċirkustanzi tassew iddisprati waqt l-istaġun tal-monsoon.

Fl-aħħar sigħat kien ikkonfermat li terz tal-art tal-Pakistan tinsab mifqugħa bl-għargħar, bis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, jappella biex il-pajjiż jingħata għajnuna ekwivalenti għal 160 miljun ewro għall-kampanji ta’ fejda b’riżq l-għexieren tal-miljuni milqutin mid-diżastru.

Guterres qal li l-poplu Pakistani qed iġarrab l-impatt ta’ ‘maltemp ta’ sinifikat epokali’ – fost il-konferma li mietu ‘il fuq minn 1,500 ( fil-Pakistan) minn Ġunju ‘il hawn.

Dan meta l-għargħar spiċċa jġorr numru kbir ta’ pontijiet u djar minbarra li qered zoni sħaħ tal-art saqwija.

L-elementi tal-monsoon ta’ din is-sena qegħdin jitqiesu bħala rekord anki għal dan l-istaġun qalil u ‘familjari’ ma’ kulmin qed jgħix fil-Pakistan, l-Indja u Bangladesh. U x-xita u l-għargħar attwali qegħdin jitqabblu mas-sitwazzjoni  tal-2010 li, storikament, għadha l-akbar inċidenza ta’ għargħar qattiel fil-Pakistan u li kienet swiet il-ħajja ta’ ‘il fuq minn 2,000 persuna.