Lokali

Il-PBS ħati ta’ rappurtaġġ b’filmati espliċiti

Il-PBS ammetta l-akkużi kollha mressqa fil-konfront tiegħu mill-Awtorità tax-Xandir b’rabta mar-rappurtaġġ tad-delitt ta’ Mahmoud Adly fil-Marsa. U għalhekk l-istazzjon kien ordnat iħallas penali ta’ €3,610.

Il-każ huwa dwar il-bulettini tal-aħbarijiet tat-8pm li xxandar fl-24 ta’ Lulju fuq l-istazzjonijiet TVM u TVMNews+ meta dehru filmati espliċiti ta’ tim mediku tal-isptar Mater Dei jamministra s-CPR u proċeduri oħra ta’ rijanimazzjoni fuq Mahmoud Adly qabel ma dan ddaħħal fl-ambulanza.

Fis-servizz intwerew ukoll xeni mill-qrib tal-istess persuna b’tali mod li din setgħet tkun faċilment rikonoxxibbli. Dan sar minkejja li sa dak il-ħin l-identità ta’ Mahmoud Adly kienet għadha mhux magħrufa.

Barra minn hekk, TVM u TVMNews+ fl-ebda ħin ma indikaw li l-filmati setgħu ma kinux addattati għat-tfal jew li setgħu jimmpressjonaw lill-udjenzi. Dan wassal kemm għall-investigazzjoni min-naħa tal-Awtorità tax-Xandir kif ukoll għal reazzjoni pubblika.

Il-PBS minn naħa tiegħu qed jgħid li ser tittieħed “azzjoni immedjata” għat-tisħiħ tal-miżuri neċessarji sabiex dawn l-inċidenti ma jerġgħux jirrepetu ruħhom.