Ambjent Lokali Transport

Il-PN jipproponi l-użu tal-helmets għall-e-scooters, aktar infurzar u zoni ta’ parkeġġ

Il-PN b’soluzzjonijiet biex jitjiebu l-leġislazzjoni u l-infurzar tal-e-scooters

Il-kwistjoni tal-e-scooters f’pajjiżna hi xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista ilu josserva u jiddiskuti għal soluzzjonijiet li jistgħu jkunu implimentati għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li jagħmlu użu mit-toroq. Studjajna soluzzjonijiet li ħarġu bihom pajjiżi barranin li għandhom uħud mill-aktar sistemi ta’ trasport effiċjenti fid-dinja u qed nieħdu dan kollu fil-kuntest ta’ pajjiżna.

Il-Gvern nieqes mill-viżjoni biex jintegra forom differenti ta’ trasport fit-toroq tagħna, bir-riżultat li l-infrastruttura u t-trasport pubbliku mhumiex ta’ livell adekwat.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jrid joffri soluzzjonijiet biex titjieb il-legiżlazzjoni u l-infurzar tal-mikromobbiltà fl-infrastruttura kurrenti. Iż-żewġ problemi maġġuri li għandhom ikunu indirizzati huma l-problemi tal-parkeġġ u n-nuqqas ta’ infurzar. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jissuġġerixxi li l-operaturi tal-e-scooters jerfgħu parti mir-responsabbiltà tal-infurzar u jieħdu miżuri biex jillimtaw l-abbużi.

RITRATT: MARTIN AGIUS

Dan hu biss l-ewwel minn lista twila ta’ affarijiet li l-Partit Nazzjonalista jħoss li għandhom isiru. Iżda la jħoss li din hi d-direzzjoni t-tajba, se jkompli jipproponi aktar soluzzjonijiet.

  • L-utenti tal-e-scooters għandu jkollhom xi forma ta’ liċenzja tas-sewqan valida li għandha tkun ivverifikata mill-operaturi b’ritratt qabel l-użu mis-servizzi tagħhom. Liċenzja fil-kategorija AM jekk bejn is-16 u t-18-il sena, jew liċenzja fi kwalunkwe kategorija jekk minn 18-il sena ‘l fuq. L-operaturi għandhom ikunu responsabbli biex iżommu database tal-klijenti tagħhom bl-informazzjoni relevanti kollha u skont il-GDPR, kif ukoll jaġġornaw regolarment id-data tagħhom billi jitolbu lill-klijenti biex jikkonfermaw mill-ġdid il-validità tal-liċenzja tas-sewqan tagħhom.
  • Application fuq il-mobile biex in-nies tista’ tirrapporta e-scooters imkissra jew ipparkjati ħażin billi jittieħed ritratt u tintbagħat location. Dawn iridu jitneħħew mill-operatur fi żmien stipulat wara li jkun ivverifikat li hemm xi forma ta’ abbuż.
  • L-awtoritajiet responsabli mill-infurzar għandu jkollhom id-dritt li jikkonfiskaw e-scooters li jiksru l-liġijiet ta’ parkeġġ. L-operaturi jridu jħallsu multa fuq kull e-scooter ikkonfiskat biex jerġgħu jinkisbu lura.
  • L-e-scooters għandu jkollhom pjanċi ta’ reġistrazzjoni viżibbli li jistgħu jkunu identifikati minnhom.
  • Ikunu protetti n-nies fit-torq, partikolarment persuni vulnerabbli jew li għandhom xi diżabbiltà, billi tkun adottata s-sistema ta’ ‘responsabbiltà preżunta’, li tpoġġi d-dmir fuq is-sewwieqa biex jerfgħu r-responsabbiltà li jsuqu b’mod li jimminimizza r-riskju ta’ korriment għal persuni vulnerabbli fit-toroq, kif ukoll li ma jitħallewx e-scooters fit-toroq b’mod li jinħoloq periklu. B’hekk, kulħadd ikollu d-dritt li jipparteċipa fis-soċjeta b’mod ugwali.
  • L-e-scooters għandhom ikunu ddiżinjati b’tali mod li jkunu aktar viżibbli.
  • Kampanji ta’ għarfien dwar ir-regoli u l-leġiżlazzjonijiet tal-e-scooters bl-għan li titnaqqas imġieba distruttiva jew diżrispettiva.
  • Isir studju rigoruż u eżawrjenti dwar fejn hu permissibbli li jinstaqu l-e-scooters. Minnu tkun ikkumpilata lista li tinkludi t-toroq, il-bankini u l-promenades kollha fejn bħalissa jistgħu jinstaqu mingħajr periklu, filwaqt li jkun illimitat jew ipprojbit l-użu ta’ e-scooters fuq bankini u f’ċerti zoni wara li jsiru l-istudji relevanti.
  • Ikunu identifikati toroq, bankini u promenades fejn ikun possibli li jinstaqu l-e-scooters jekk titjieb l-infrastruttura tat-toroq.
  • Zoni ta’ parkeġġ iddedikati għall-e-scooters, li jieħdu forma ta’ e-scooters racks u charging stations. L-e-scooters ma jistgħux jinkrew jew jitħallew imkien iżjed ħlief f’dawn iz-zoni ta’ parkeġġ. Il-post għal dawn iz-zoni ta’ parkeġġ għandu jirrifletti d-domanda fil-lokalitajiet u t-toroq partikolari li jinsabu fihom. Fejn possibli, dawn għandhom isiru fuq bankini jew f’postijiet oħrajn fejn ikun hemm spazju u ma jtellfux l-aċċess għal min ikun qed juża’ l-bankini. Fejn hu possibbli, dawn għandhom ikunu msaqqfin bil-pannelli fotovoltajċi.
  • Ikun infurzat l-użu tal-helmets. Kull zona ta’ parkeġġ għandha tkun armata b’numru ta’ helmets biex jagħmlu użu minnhom l-utenti.
  • In-numru ta’ e-scooters tal-kiri irreġistrati għandu jkun proporzjonali għan-numru ta’ spazji ta’ parkeġġ għall-e-scooters madwar Malta u Għawdex biex ikunu evitati sitwazzjonijiet fejn l-e-scooters jitħallew fuq il-bankina minħabba nuqqas ta’ spazji ta’ parkeġ, b’mod li jnaqqsu jew jostakolaw l-aċċessibbiltà tal-bankini. L-operaturi tal-e-scooters għandhom jagħmlu l-istudji tagħhom biex jimplimentaw huma stess zoni ġodda ta’ parkeġġ biex ikunu jistgħu jirreġistraw aktar e-scooters.
  • Tkun permessa żieda ġustifikata fil-limitu ta’ e-scooters reġistrati skont id-domanda u n-numru ta’ zoni ta’ parkeġġ li jistgħu jiġu implimentati. Ir-raġunijiet għar-reġistrazzjoni ta’ aktar e-scooters iridu jkunu ġustifikati u għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet relevanti li mbagħad ikunu responsabbli għal din id-deċiżjoni.
  • Kwalunkwe multa trid titħallas direttament mill-operaturi, li huma umbaghad ikunu responsabli biex jigbru l-flus mingħand l-utenti li kisru l-liġijiet.
  • Infurzar b’multi għal dawk li ma jirrispettawx il-limiti stipulati tal-veloċità billi jkun installat apparat ta’ traċċar mhux intrużiv fuq l-e-scooters. Dan l-apparat jibgħat f’ħin reali informazzjoni dwar il-veloċità u l-post lill-awtoritajiet. Multi jingħataw lil dawk li jaqbżu l-limitu tal-veloċità b’ċertu ammont għal ċertu tul ta’ ħin.
  • Tkun implimenta sistema ta’ punti għall-utenti tal-e-scooters. Utenti fil-pussess ta’ liċenzja valida tas-sewqan u li għandhom vettura personali rreġistrata f’isimhom, ikollhom is-sistema tal-punti tal-liċenzja tagħhom marbuta mas-sistema tal-punti tal-e-scooters. Kwalunkwe multa li tkun saret waqt is-sewqan ta’ e-scooter u li ġġorr punti penali magħha, tkun akkumulata ma’ kwalunkwe punti penali li wieħed jakkumula minn mezzi oħrajn tat-trasport. Utenti li m’għandhomx vettura personali jkollhom sistema ta’ punti separata li taħdem bl-istess mod bħas-sistema ta’ punti ta’ penalità regolari.

Ħafna mill-aħbarijiet riċenti kixfu problema inkwetanti fejn il-Gvern u l-awtoritajiet konċernati naqsu milli jieħdu responsabbiltà tal-infurzar. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jħoss li l-ewwel pass għandu jkun qafas leġiżlattiv robust biex ir-responsabbiltà tal-infurzar tinqasam fuq il-partijiet kollha.

Il-proposti ġew preżentati fi stqarrija mid-deputati tal-PN Rebekah Cilia, Adrian Delia, Graziella Galea, Eve Borg Bonello, Graziella Attard Previ u Janice Chetcuti.

Dawn il-proposti, u oħrajn li l-Partit Nazzjonalista se joħroġ aktar ‘il quddiem, għandhom jgħinu biex isir propju dan.