Lokali Transport

Il-Gvern fi skiet totali dwar l-iskandlu ta’ Transport Malta

Għaddew iktar minn 24 siegħa u l-Gvern għadu qas lissen kelma waħda dwar l-iskandlu l-ġdid li faqqa fi Transport Malta. Skandlu li fih hemm implikat Ministru tal-Gvern Laburista ta’ Robert Abela.

It-tliet uffiċjali ta’ Transport Malta involuti f’dan l-iskandlu ġew sospiżi minn xgħolhom għal żmien indefinit.

Clint Mansueto li għandu 40 sena, Direttur ta’ Transport Malta, kif ukoll l-uffiċjali Raul Antonio Pace ta’ 35 sena u Philip Edrick Zammit ta’ 23 sena, kienu akkużati fil-Qorti li għenu lil numru ta’ persuni li kienu jaħdmu fil-villa tal-Ministru konċernat, jgħaddu mit-test tas-sewqan tal-karozza. 

Mill-mobile ta’ wieħed mill-akkużati rriżultaw numru ta’ chats li juru rabta ma’ partit politiku, fejn kienu jgħaddu ismijiet ta’ persuni li kellhom jgħaddu mit-test tas-sewqan.

Issemma’ wkoll kif il-pressjoni fuq Transport Malta kienet ġejja minn diversi Ministeri, mhux wiehed.

Mill-Qorti ħareġ ukoll kif il-Pulizija kienet ilha sentejn sħaħ bl-informazzjoni f’idejha dwar dan l-iskandlu.

U quddiem dan kollu, la l-Partit Laburista, la l-Gvern u lanqas il-Ministeru tat-Trasport għadhom ma kkummentaw fuq dak li kien għaddej fi Transport Malta.

Il-Partit Nazzjonalista …fi stqarrija maħruġa mid-Deputat Adrian Delia…insista li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jieħu azzjoni minnufih u jara li l-Ministru msemmi f’dan il-każ serjissimu jirriżenja minnufih, sakemm jitnaddaf ismu.

Intant, matul il-jum, ħadd mill-Ministri tal-Gvern ma organizza avvenimenti għall-media. F’mossa ċara biex ma jiġux affaċjati bid-domandi tal-ġurnalisti dwar dan il-każ.