Miet tard it-Tlieta bil-lejl l-eks mexxej tal-Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev.
Hu kellu 91 sena, u kien ilu żmien twil marid.
L-aħbar tal-mewt tiegħu ingħatat mill-media Russa.
Isem Gorbachev jibqa’ wkoll assoċjat ma’ Malta, u l-laqgħa li kellu f’pajjiżna fl-1989 mal-President Bush. Dan kien summit storiku li seħħ eżatt wara l-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin.
Fis-summit ta’ Malta, Bush u Gorbachev kienu qablu biex itemmu l-famuża Gwerra Bierda.
Gorbachev kien ħa t-tmexxija ta’ pajjiżu fl-1985. Għalkemm ma rnexxielux jevita l-qasma ta’ dik li kienet l-Unjoni Sovjetika fl-1991.
Tul il-karriera tiegħu, Mikhail Gorbachev kien ingħata wkoll il-Premju Nobel għall-Paċi. Dan filwaqt li dejjem imbotta ‘l quddiem il-kunċett tal-libertà tal-espressjoni.

