F’avveniment fl-ambaxxata Amerikana kienet preżentata it-Tieni Edizzjoni tal-Akkademja tal-Imprendituri Nisa f’pajjiżna.
Dan il-programm sar għal ewwel darba s-sena li għaddiet hekk kif iggradwaw madwar 24 mara minn dan il-programm.
Din l-inizjattiva hija offruta madwar id-dinja kollha u tipprovdi l-għarfien, networks u l-aċċess meħtieġa biex in-nisa jibdew u jkabbru negozju ta’ suċċess. Għal din is-sena l-Ambaxxata tal-Istai Uniti ssieħbet mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta.
Il-President tal-istess organizzazzjoni Marisa Xuereb spjegat kif din il-kolloborazzjoni qed tagħti benefiċċju għan-nisa fil-karriera tagħhom. Hija qalet li bis-saħħa ta’ din l-organizzazzjoni n-nisa se jkollhom aċċess għall-inizjattivi, dibattiti u affarijiet oħra sabiex ikabbru n-negozju tagħhom. Barra minn hekk, hija tenniet li hemm bżonn li tingħata s-setgħa lin-nisa fid-dinja tax-xogħol u jkunu mogħtija l-għodda meħtieġa sabiex jirnexxu u jikbru bla xkiel.
Minn naħa tagħha iċ-Charge’ d’Affaires tal-ambaxxata Gwendolyn Green qalet li din l-inizjattiva tagħti s-saħħa lin-nisa. Hija insistiet li din mhijiex biss kompetizzjoni, għaliex il-parteċipanti jistgħu jitgħallmu minn xulxin u jkomplu jikbru fid-dinja tan-negozju. Barra minn hekk, dan il-programm jista’ jkun ta’ opportunita għan-nisa sabiex jilħqu l-għola kariga possibli fl-impjieg tagħhom. Green qalet li din is-sena l-programm ġibed parteċipazzjoni akbar ta’ nisa b’imħabba għall-innovazzjoni u ħolma li jixtiequ jirrealizzaw.
Fil-programm ta’ din is-sena applikaw madwar 80 mara.
//= $special ?>