Internazzjonali

Jinqatel żagħżugħ b’daqqiet ta’ sikkina waqt il-Karnival ta’ Notting Hill

Żagħżugħ ta’ 21 sena nqatel b’daqqiet ta’ sikkina waqt li kien il-Karnival annwali ta’ Notting Hill it-Tnejn għall-ħabta tat-8pm.

Pulizija fuq il-post taw l-ewwel għajnuna sakemm wasal tim mediku li ħaduh b’urġenza fi sptar fil-punent ta’ Londra. Sfortunatament, ftit tal-ħin wara hu tilef ħajtu.

Dwar dan il-każ għaddejja investigazzjoni mill-Pulizija hekk kif għadu mhux magħruf min huma dawk il-persuni wara dan l-attakk. Din se tkun waħda diffiċli hekk kif għal dak il-lejl biss, madwar miljun persuna attendew bi ħġarhom għal dan il-karnival.

Minkejja s-sigurta stretta li ġiet applikata għal dan il-karnival, li reġa’ rritorna wara n-nuqqas tiegħu kawża tal-pandemija, it-Tnejn filgħaxija ġew irraportati numru ta’ każijiet ta’ vjolenza.

Fil-fatt, jidher li iktar minn 200 arresti saru tul il-jumejn li dam għaddej il-karnival b’rabta mal-użu tad-droga, ġlied u anke abbuż sesswali.