In-Nazzjonijiet Uniti qed tappella għall-kalma f’Bagdad wara li nqatlu talanqas 23 persuna waqt l-agħar ġlied għal ħafna snin fil-kapitali Iraqqija.
Kelliema għas-Segretarju-Ġenerali tan-NU, Antonio Guterres, qalu li hu jinsab allarmat dwar l-aħħar inċidenti f’Bagdad u li qed isejjaħ biex jittieħdu passi immedjati ħalli t-tensjoni tonqos.
L-aħħar vjolenza f’Bagdad kienet dovuta għad-deċiżjoni ta’ Moqtada al-Sadr, reliġjuż ewlieni u simbolu tal-Musulmani Xiti fl-Iraq, biex ma jkomplix fil-politika. Dan wara li Sadr kien qed imexxi kampanja biex ma l-affarijiet interni tal-Iraq ma jibqgħux influwenzati mill-Istati Uniti u l-Iran.
L-Iraq ilu fi stat ta’ paraliżi mill-elezzjonijiet inkonklussivi tal-2021 u fl-aħħar sigħat, is-sostenituri ta’ Sadr f’Bagdad iġġieldu mal-qawwiet tas-sigurtà u anki mal-milizzji lokali alleati mal-Iran. Il-ġlied kien ikkaratterizzat mill-isparaturi kontinwi u l-isparar tar-rokits – b’Moqtada al-Sadr joħroġ direttivi biex is-sostenituri tiegħu jirtiraw mill-madwar tal-bini tal-Parlament fejn kienu ilhom jipprotestaw għal ġimgħat.
Il-grupp politiku ta’ Sadr kien rebaħ l-akbar numru ta’ siġġijiet fil-Parlament waqt l-elezzjonijiet ta’ Ottubru fl-Iraq. Madankollu, dan il-grupp ma setax jaqbel dwar il-formazzjoni ta’ gvern ġdid waqt in-negozjati mat-tieni l-akbar blokk politiku tal-Iraq li fil-parti kbira hu magħmul mill-partiti li qegħdin jingħataw appoġġ mill-Iran.
//= $special ?>

