Lokali Saħħa

L-MUMN ixxukjata kif Steward għamlu ‘profitt’ minn flusna, u l-isptarijiet tagħna minsijin

L-aħbar illi Steward Healthcare għamlu profitt hija aħbar xokkanti għall-infermieri. Aktar u aktar meta taħseb f’liema stat tħalla Mater Dei, u kif il-wegħdiet tal-aħħar Budgets tħallew fuq l-ixkaffa.

Kien dan is-sentiment espress mill-MUMN meta fi stqarrija l-union li tirrapreżenta lill-infermieri u l-qwiebel spjegat b’mod ċar kif flus il-poplu qed jintremew f’dawn il-kuntratti – u ħadd ma jrid iġorr responsabbiltà.

L-MUMN tgħid illi filwaqt li ta’ Steward qed jiftaħru bil-profitti, Mount Carmel tħalla f’telqa u s-swali f’Mater Dei qed jintesew. Dan apparti proġetti bħall-Outpatients, il-parkeġġ il-ġdid f’Mater Dei u l-Hub fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż – li kollha baqgħu ħolm, u lanqas biss bdew.

Il-union tgħid illi mhux sew li flus il-poplu qed jintużaw biex kumpanija barranija ssir aktar sinjura, mingħajr ma naraw investiment fis-saħħa. Bl-MUMN tfakkar li qed inħallsu prezz għoli għad-deal ma’ Steward.

“Pajjiżna qed jiġi misruq, u ħadd mill-Gvern mhu jagħmel xejn”, ittemm tgħid l-MUMN fl-istqarrija tagħha. Filwaqt li tinsisti li dan kollu huwa tal-mistħija.

Kien il-ġurnal Sunday Times of Malta li żvela kif l-audtited accounts ta’ Steward Healthcare għas-sena 2020 urew li din il-kumpanija rnexxielha tagħmel profitt.