Raġel ta’ 59 sena tilef ħajtu wara li waqa’ għoli ta’ madwar tliet sulari waqt li kien qed jagħmel xi xogħol ta’ tikħil f’residenza fi Triq il-Ġojjin, il-Fgura. Il-każ seħħ għall-ħabta tad-8:45am.
Fil-post waslu membri tal-Pulizija u tim mediku biex jassistu lill-vittma, iżda sfortunatament, minkejja l-isofrzi tagħhom, ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Esperti forensiċi marru wkoll fil-post biex jinvestigaw l-inċident. Kienu propju filmati ta’ CCTV li ddeterminaw eżatt x’ġara hekk kif ir-raġel kien waħdu fil-ħin tal-inċident.
Dwar il-każ, il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella fetħet inkjesta maġisterjali, filwaqt li nħattru diversi esperti sabiex jassistu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.