Lokali Qorti

Sentejn u nofs ħabs wara li ħaraq karozza u sar reċediv

Raġel ta’ 36 sena residenti l-Belt Valletta ġie kundannat sentejn u sitt xhur ħabs wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li fl-20 ta’ Awwissu li għadda, għall-ħabta tal-5.00 am. f’Ħal Qormi ta n-nar karozza tat-tip Toyota u li sar reċediv.

Janis Caruana ammetta li wettaq dan ir-reat fi Triq ix-Xitwa,għad-detriment ta’ raġel minn Birkirkara. Dan in-nar wassal biex ikkaġuna ħsara f’karozza ta’ l-għamla Kia kif ukoll karozza oħra tal-għamla Opel. Ħsara oħra saret f’residenza fl-istess triq u li kiser il-kondizzjonijiet imposti fuqu b’digriet datat 16 ta’ Settembru 2021.

Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex tittratta ma’ l-imputat bħala reċediv u tirrevoka d-digriet għal ħelsien mill-arrest u tordna r-riarrest ta’ l-imputat, kif ukoll tordna li s-somma ta’ €500 bħala depożitu u €10,000 bħala garanzija personali jgħaddu favur il-Gvern ta’ Malta.

Għall-finijiet ta’ piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati dedotti fil-konfront ta’ l-imputat w il-kondotta nkwetanti kopjuża ta’ l-imputat, iżda ħadet in konsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-imputat irreġistra ammissjoni fi stadju bikri tal-proċeduri. Il-prosekuzzjoni u l-investigazzjonijiet tmexxew mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna, Mario Xiberras u Jeanetta Grixti.