Lokali Saħħa

33 każ ta’ Monkeypox irreġistrat f’pajjiżna hekk kif il-virus qed ibatti

Sa issa huma 33 il-każi ta’ Monkeypox li kienu rreġistrati f’pajjiżna fl-aħħar xhur.

L-ewwel każ tal-virus f’Malta kien irrappurtat fis-27 ta’ Mejju, u fi tliet xhur kien hawn total ta’ 33 persuna li ġew infettati.

Kelliem għall-Gvern ikkonferma li bħalissa huma 3 l-każijiet attivi u ħadd minn dawk li ħadu l-virus tal-Monkeypox fil-gżejjer Maltin ma kellu bżonn kura speċjalizzata l-isptar Mater Dei.

Malta sal-lum irreġistrat fost l-ogħla numru ta’ każijiet meta mqabbla ras għal ras ma pajjiżi oħra Ewropej.

Huma biss Spanja, il-Portugall, il-Lussemburgu u l-Olanda li kellhom rati ogħla minn ta’ pajjiżna.

Madankollu l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tinsab ottimista li l-virus qed jibda jitlef mis-saħħa tiegħu.

Filwaqt li l-Monkeypox jidher li qed ibatti f’għadd ta’ pajjiżi fl-Ewropa, id-Direttur Reġjonali tad-WHO Hans Kluge insista li jrid isir sforz akbar biex il-virus jitrażżan kemm jista jkun malajr.

Sa issa fl-Ewropa kienu rrappurtati 22,000 infezzjoni f’madwar 43 pajjiż. Dawn jammontaw għal terz tal-każijiet kollha tad-dinja.