Lokali Qorti

Anzjan b’kondotta nadifa jiffranka l-ħabs: Jammetti li abbuża sesswalment minn żagħżugħ

Anzjan ta’ 65 sena, iffranka massimu ta’ seba’ snin ħabs wara li ammetta li l-Ħadd li għadda abbuża sesswalment minn żagħżugħ barrani f’San Pawl il-Baħar. John Mallia ammetta li wettaq dan l-abbuż għall-ħabta tas-7.15 a.m, f’residenza fi Triq Ananija, f’San Pawl il-Baħar.

John Mallia ammetta li kkommetta att ta’ natura sesswali mingħajr kunsens fuq iż-żagħżugħ barrani. Il-Maġistrat Charmaine Galea qieset il-fatt li Mallia ammetta fi stadju l-akrar bikri tal-proċeduri. L-inċident seħħ darba u li l-ħati kien isogħbih għal dak li għamel.

Il-Qorti qieset il-fatt ukoll li Mallia għandu 65 sena, għandu kondotta kważi netta, għajr għal xi reati minuri li seħħew ħafna snin ilu. Il-Maġistrat qieset ukoll in-natura serja tar-reat u l-piena marbuta ma’ każ bħal dan tlaħħaq il-massimu ta’ seba; snin ħabs.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti qalet li jkun opportun li Mallia jitpoġġa taħt Ordni ta’ Probation biex jindirizza problemi li jista’ jkun wassluh biex iwettaq reat ta’ dan il-ġeneru. Il-qorti iżda ħarġet ukoll ordni ta’ trattament li permezz tagħha qieset l-interessi kemm tal-vittma u kemm tal-pubbliku.

Kien għalhekk li ordnat li Mallia jitpoġġa taħt ordni ta’ probation u ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ tliet snin b’għadd ta’ kundizzjonijiet. Il-Qorti spjegat fi kliem ċar lill-ħati il-konsegwenzi jekk huwa ma josservax il-kundizzjonijiet kollha tal-Ordni ta’ Probation u f’każ li huwa jikser xi kundizzjoni tal-istess Ordni. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ryan Vella.