Bħallum 25 sena ilu, id-dinja tbikkmet bl-aħbar li l-Prinċipessa Diana ta’ Wales, ikona internazzjonali u ispirazzjoni għall-mara moderna, kienet tilfet ħajjitha f’inċident bil-karozza taħt mina f’Pariġi, il-kapitali ta’ Franza.
Il-Prinċipessa kellha titlef ħajjitha fl-età ta’ 36 sena u magħha kienu mietu wkoll is-sieħeb tagħha, Dodi al-Fayed, u x-xufier tal-karozza, Henri Paul, li dak il-ħin kien qed isuq b’veloċità kbira biex jaħrab lill-‘paparazzi’ li kienu qegħdin isegwu l-movimenti ta’ Diana.
Mindu, fl-1981, saret parti mill-Familja Rjali Britannika biż-żwieġ tagħha lill-Prinċep Charles, Diana stabbiliet ruħha fost l-aktar personalitajiet magħrufin fid-dinja. Hi ngħatat il-laqam ‘People’s Princess’ u fost oħrajn għenet tbiddel il-perċezzjoni tal-monarkija f’għajnejn il-pubbliku.
Dan meta l-monarkija Britannika kienet iddestinata li tgħaddi minn riħ ta’ bidla sostanzjali fis-snin ta’ wara l-mewt ta’ Diana — bil-Prinċipessa ta’ Wales għadha titqies sallum bħala ‘katalista’ wara dawn il-bidliet.
Il-25 anniversarju mill-mewt ta’ Diana, fl-istess ħin, qed jitfa’ dawl mill-ġdid fuq ir-relevanza tal-Familja Rjali Britannika u fuq ir-riformi li l-Familja għaddiet minnu f’dan il-kwart ta’ seklu.
U llum wieħed iqis lill-Prinċipessa Diana bħala viżjonarja u wara li hi kkultivat id-dehra tagħha bħala ‘The People’s Princess’ filwaqt li xprunat il-popolarità tal-Familja Rjali anki ‘il hinn mir-Renju Unit. Diana lanqas ma kienet temmen wisq fil-formalità u kienet tħobb tavviċina lin-nies minn kull settur tas-soċjetà waqt li tisma’ il-problemi tagħhom. Fl-istess ħin, in-nies kienu fehmu mal-ewwel is-sitwazzjoni diffiċli ta’ Diana meta hi żvelat li kienet qed tbati bil-problemi mentali.
Diana, bħala ikona kulturali, setgħet tifhem aktar minn ħaddieħor kif persuna ċelebri setgħet tuża l-popolarità tagħha biex tinfluwenza sitwazzjonijiet u avvenimenti bl-aktar mod pożittiv. U bis-saħħa tagħha wieħed jista’ jgħid li l-Familja Rjali Britannika, illum, qed turi b’mod aktar miftuħ l-aspett uman tagħha…Aspett ikkaratterizzat mill-problemi familjari u li ma kienx ikun possibbli fiż-żmien meta Diana kienet għadha tifforma parti integrali tal-familja.

Il-Prinċipessa Diana kienet żgħażugħa ħafna meta żżewwġet lil Charles u, waqt li dehret vulnerabbli f’għajnejn in-nies, il-poplu baqa’ impressjonat bil-ġmiel u l-pompa taċ-ċerimonja taż-żwieġ li kienu ilhom ma jaraw għal ħafna snin
Minn dak iż-żmien, Diana saret l-aktar personalità magħrufa tal-Familja Rjali, bl-eċċezzjoni tar-Reġina Eliżabetta. Hi kienet tattira l-attenzjoni mhux biss minħabba d-dehra fotoġenika tagħha iżda minħabba l-fatt li ssieħbet f’’ħafna kampanji umanitarji mingħajr wisq daqq ta’ trombi u fejn uriet dejjem il-personalità fabbli ta’ mara normali flimkien ma’ atteġġjament differenti ħafna mid-dehra konservattiva tal-Irjali l-oħra.
Meta falla ż-żwieġ mal-Prinċep Charles, Diana kienet qanqlet simpatija kbira mill-poplu – bil-Familja Rjali tispiċċa f’sitwazzjoni fejn ma setgħetx tagħlaq il-bieb f’wiċċha’ peress li l-popolarità enormi tal-Prinċipessa kienet tirrifletti anki
Iżda wieħed jista’ jistaqsi x’inhu l-veru wirt li ħalliet Diana?….Mistoqsija oħra tista’ tirrigwarda s-sinifikat tal-‘People’s Princess’, 25 sena wara mewtha.
Wieħed, forsi, għad irid japprezza l-veru influwenza ta’ Diana li għenet mhux ftit biex il-monarkija Britannika taċċetta il-kriterji u r-realtà tas-seklu wieħed u għoxrin….Realtà li tirrikjedi li l-Familja ma tibqax daqstant imbiegħda min-nies u meta l-Prinċep William, it-tifel kbir ta’ Diana, qed jagħmel l-almu biex, bħal ommu, juri li hu persuna normali li jissimpatizza mal-problemi ta’ ħaddieħor.
Il-Prinċep William u ħuh, il-Prinċep Harry, anki żżewwġu lin-nisa li ma kenux ġejjin minn familji aristokratiċi u liema pass kien jitqies bħala inaċċettabbli għall-Familja Rjali daqs 40 sena ilu.
U waqt li r-Renju Unit – u d-dinja – qegħdin ifakkru dan l-anniversarju traġiku, ftit hemm dubju li l-wirt ta’ Diana, fis-snin li ġejjin, se jkompli jqanqal interess kbir, speċjalment għall-istoriċi u l-istudjużi tal-kultura popolari.
Fil-fatt, l-istoriċi qegħdin jaraw lil Diana bħala ‘il-bidu tat-tmiem ta’ mudell partikulari tal-monarkija Britannika – kif ukoll bħala simbolu ta’ kif imbidlet ir-relazzjoni bejn il-Familja Rjali u ‘il-bniedem tat-triq’ fir-Renju Unit.
U llum, wieħed japprezza li l-Prinċipessa Diana – grazzi, fost oħrajn, għall-appoġġ li kienet tagħti lill-vittmi tal-AIDS u bl-isforzi tagħha biex tiġġenera attenzjoni għall-vittmi tal-land mines – uriet eżattament kif il-Familja Rjali Britannika, mal-medda taż-żmien, kapaċi sservi wkoll bħala istituzzjoni ta’ ġid u mogħdrija.
//= $special ?>