Lokali

Gorbachev u Malta: l-eks mexxej Sovjetiku mfakkar minn politiċi Maltin

Kien il-protagonist ewlieni ta’ mument storiku li biddel id-direzzjoni tal-istorja tad-dinja, u dawk li kellhom ix-xorti li jgħixu mill-qrib il-ġrajja li tefgħet dawl fuq pajjiżna, jiftakruh bħala persuna unika,

Mikhail Gorbachev, l-eks Mexxej Socjetiku li miet tard it-Tlieta bil-lejl, kien ġie f’pajjiżna fl-1989 biex ġab fi tmiemha l-gwerra bierda, ġimgħat biss wara li waqa’ l-ħajt ta’ Berlin, f’sensiela ta’ avvenimenti li biddlu, darba għal dejjem, wiċċ l-Ewropa tal-Lvant.

Il-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnci jiftakar lil Gorbachev bħala karattru sod u determinat, imma fuq kollox uman.

Ugo Mifsud Bonnici qal li Gorbachev kien bniedem li sab sistema iebsa Komunista imma li bl-umanità u s-simpatija tiegħu irnexxielu li jibdel din is-sistema.

“Ix-xogħol ta’ Gorbachev kien li juri li anke f’sistema Komunista bħal ma ħalla Stalin warajh, tista’ bl-umanità u billi tħares lejn il-bnedmin bħala bnedmin, jirnexxielek terġa’ ġġib iċ-ċiviltà u kapaċi li jħarsu lejn xulxin bi ħbiberija mhux mibgħeda jew b’kilba li tiddominahom”.

Ugo Mifsud Bonnici qal li Malta bħala pajjiż żgħir seta’ jilqa’ lil Gorbachev u lil Bush għaliex dak iż-żmien, il-Gvern Malti kien diġà qed iħares lejn il-bnedmin għax l-iżvilupp tal-istorja jsir mill-bnedmin.

L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, li fi żmien is-summit kien l-ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti  jiddeskrivi l-laqgha ta’ Bush u Gorbachev f’pajjiżna bħala mument deċiziv għad-dinja u għal Malta.

“Dawk kienu żminijiet li ma jintesew qatt mill-ġenerazzjonijiet tagħna għaliex dik kienet l-okkażjoni li d-dinja għarfet li l-President Bush u l-President Gorbachex dakinhar f’pajjiżna waqqfu l-gwerra bierda.

Għal Malta kien hemm rabta partikolari għax pajjiżna, dakinhar b’amministrazzjoni mmexxija minn Eddie Fenech Adami u li kellha fama tajba li uriet li Malta kellha statura internazzjonali, dakinhar ġabet f’Malta ż-żewġ mexxejja ewlenin biex jieħdu deċiżjoni storika”.

Lawrence Gonzi qal li wara dak is-summit waslu bidliet kbar fid-dinja, filwaqt li qal li llum, 33 sena war, id-dinja reġgħet qegħda f’sitwazzjoni diffiċli u li llum ukoll id-dinja għandha bżonn persuni b’viżjoni bħal ma kellu Gorbachev..

Tkellem dwar l-eks mexxej Russu anke l-eks Kummisarju Ewropew Tonio Borg li ddeskriva lil Gorbachev bħala ġgant.

Tonio Borg qal li Gorbachev ħalla warajha dinja li hija iktar sigura u inqas perikoluża milli kienet qabel ma ġab ir-riformi.

“L-istorja tad-dinja żgur li se tibqqa’ tiftakru bħala wieħed mill-kbar. Forsi r-Russi m’apprezzawhiex mal-ewwel, imma l-Ewropa kollha għandha tibqa’ dejjem grata lejn Gorbachev”.

Borg fakkar kif l-eks President Russu kien tħallat mal-folla miġbura quddiem Kastilja waqt iż-żjara tiegħu, bil-folla ta’ Maltin issellimlu b’għajjat ta’ “Gorbi Gorbi”.

Bosta kienu l-politiċi ewlenin li faħħru l-kisbiet ta’ Mikhail Gorbachev, fosthom il-Kap tal-PN Bernard Grech li ddeskrivih bħala bniedem li biddel l-istorja tad-dinja, u li bl-azzjonijiet tiegħu ispira ħafna żgħażagħ.

Anke l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkelmet dwar dak li rnexxielu jagħmel l-eks President Russu..

Metsola fakkret fil-laqgħa ta’ maltemp u kesħa meta ż-żewġ mexxejja dinjin bush u Gorbachev ġabu fi tmiemha l-gwerra bierda.

“Dan kien messaġġ ta’ ispirazzjoni li jista’ jkolna dinja aħjar u aktar ħielsa. Dik il-laqgħa f’pajjiżna nibbtet id-determinazzjoni ta’ ġenerazzjoni li riedet twaqqa’ l-ħitan li firdu popli minn xulxin, u jgħaqqdu l-Ewropa mill-ġdid”.

Metsola qalet li dan hu l-legat li għalih li jibqa’ mfakkar Mikhail Gorbachev.

L-MEP Nazzjonalista David Casa minn naħa tiegħu iddeskriva lil Gorbachev bħala bniedem ta’ paċi li daħħal riformi politiċi u ekonomiċi kruċjali fir-Russja, waqt li kkwota lill-istess Gorbachev li fi tmiem is-summit storiku f’pajjiżna kien qal “id-dinja llum hierġa minn epoka, u dieħla f’oħra ġdida”.