Ambjent Lokali

Jinħtieġ pjan biex tkun ikkontrollata l-popolazzjoni ta’ bagħal taż-żunżan li qed thedded il-produzzjoni tal-għasel min-naħla – PN

Kif ġie spjegat fl-ittra li bagħtet ilbieraħ il-Koalizzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), lill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u lill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, pajjiżna qed jesperjenza żieda drastika fil-popolazzjoni ta’ bagħal taż-żunżan.

Din iż-żieda qed tagħmel ħsara kbira lill-popolazzjoni tan-naħla Maltija, li titrabba b’tant sengħa minn numru ta’ raħħala u dilettanti u tagħtina l-għasel li bħala pajjiż magħrufin għalih.

Skont kif spjegat il-Koalizzjoni fl-ittra – u kif qal id-deputat tal-PN Toni Bezzina fi stqarrija – din iż-żieda allarmanti ta’ bagħal taż-żunżan għandha diversi raġunijiet, ewlenin fosthom l-urbanizzazzjoni u t-tibdil fil-klima.

Dan il-bagħal taż-żunżan jattakka u joqtol lin-naħal, minbarra l-periklu li jġib miegħu għall-bniedem. Preżentament, l-industrija tal-għasel diġà qed tesperjenza sfidi kbar minħabba t-tibdil fil-klima u għalhekk, jeħtieġ ma nħalluhiex taffronta din l-isfida wkoll.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jappella għal pjan ħolistiku ta’ ħidma biex tkun ikkontrollata l-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan ħalli tkun protetta l-industrija tal-produzzjoni tal-għasel, li hi fuq kollox parti integrali mill-wirt kulturali tagħna.