Lokali Qorti

Konfermata fil-Qorti storja ta’ “Il-Mument’ u Net News li tifel ġie interrogat b’rabta mar-raid għad-droga fil-Belt

Konfermata storja li żvela l-ġurnal “Il-Mument” u Net News meta fil-Qorti ħareġ li tifel kien fil-pusses ta’ droga bil-Pulizija tarah jitfa’ d-droga f’rokna waqt li kien qed isir ir-raid tal-Pulizija. Dan it-tifel li għandu tmien snin huwa ta’ Judith Bakoush waħda mill-akkużati fuq traffikar tad-droga. Il-Pulizija li xehdu qalu li t-tifel qalilhom li ommu us-sieħeb tagħha, li huma l-akkużati, kienu qalulu biex jagħmel hekk, jekk kemm il-darba il-Pulizija jidħlu fil-propjetà tagħhom.

Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni dwar ir-raid li l-Pulizija għamlet fit-23 ta’ Awwissu f’dar fil-Belt u remissa fil-Marsa fejn instabet ammont ta’ droga. Dan ir-raid kien ukoll ġie żvelat b’mod esklussiv minn Net News li kien l-ewwel fuq il-post u tella’ storja esklussiva. Ingħad fil-Qorti li l-Pulizija kisbet informazzjoni li traffikanti tad-droga involuti f’dan iċ-ċirku kienu qed jużaw tifel.

Ħareġ li li meta l-pulizija daħlu fl-appartament ta’ Bakoush u Naswan kien hemm tifel li rawh jipprova jitfa’ d-droga fir-rokna ta’ kamra. Il-pulizija kienu sejħu l-ħaddiema soċjali tal-Aġenzija Appoġġ biex jieħdu f’idejhom it-tifel. Dwar dan il-każ qegħdin jiġu mixlija Judith Bakoush ta’ 31 sena u Morat Abdikadir Mohammed Naswan ta’ 31 sena, li jgħixu fl-istess dar fil-Belt, u Joseph Borg ta’ 50 sena, miż-Żejtun u li jgħix Marsaskala, u li għandu remissa fil-Marsa.

It-tlieta li huma qegħdin jiġu mixlija li fil-23 ta’ Awwissu, u fil-ġimgħat ta’ qabel, fornew jew offrew li jfornu d-droga kokaina u eroina; li biegħu l-pjanta cannabis u d-droga sintetika kif ukoll qegħdin jiġu mixlija b’ħasil tal-flus. Xehed l-Ispettur Kevin Pulis li spjega kif fl-aħħar xhur il-Pulizija daħlitilha informazzjoni li f’dar fil-Belt kienet qed issir attività marbuta ma’ traffikar tad-droga u anke użura għax Bakoush kienet qed issellef il-flus b’rata ta’ imgħax għolja ħafna. 

Pulis qal li l-pulizija mill-Għassa tal-Belt, dik tal-komiunità u tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga ħadmu flimkien biex fuq ordni tal-Qorti isir ir-raid. Huwa tenna li kellha tintuża għodda apposta biex tiftaħ il-bibien u t-twieqi għax dawn kienu imbarrati. Fil-fatt ix-xhud qal li d-dar kollha kienet imbarrata kollha bil-ħadid.

Ix-xhud qal li d-deċiżjoni biex isir ir-raid fi Triq l-Isptar l-antik wara li nħareġ mandat ta’ arrest mill-Maġistrat u kien ippjanat li dan isir meta l-koppja, l-Maltija u l-Libjan ikunu qegħdin jiffirmaw fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt bħala parti minn kundizzjoni tal-Qorti fuq każ ieħor. Tenna li huwa kienu waslu l-Għassa fuq mutur u hemm kienu nfurmati li jinsabu taħt arrest.

L-Ispettur Pulis qal li fid-dar nstabu żewġ safes li fihom kien hemm ammont sostanzjali ta’ deheb u flus kontanti.  Tenna li fl-osservazzjoni tagħhom li kienet ilha sejra għal xi jiem, il-pulizija innutaw li numru ta’ persuni li huma magħrufa mal-Pulizija li kienu jidħlu fid-dar biex jixtru d-droga u joħorġu wara ftit minuti. 

Pulis tenna li kien arrestat ukoll Joseph Debono, magħruf bħala “il-Makari”, li ammetta mal-Pulizija li kien jieħu d-droga mingħand l-imputati u jbiegħha. Dan bħala kumpens biex jagħtuh id-droga għall-konsum tiegħu. Debono kien jghix ukoll fl-istess dar mal-imputati residenti l-Belt.

L-Ispettur Pulis xehed ukoll fuq Joseph Borg, t-tielet persuna arrestata u qal li dan kien iforni d-droga lill-imputati. Sostna wkoll li meta l-pulizija daħlu fl-appartament ta’ Bakoush u Naswan kien hemm tifel ta’ seba’ snin li rawh jipprova jitfa’ d-droga fir-rokna ta’ kamra. Il-pulizija hawn sejħu l-ħaddiema soċjali tal-Aġenzija Appoġġ biex jieħdu f’idejhom it-tifel.

Wara li l-ġimgħa l-oħra l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kellha kliem iebda fil-konfront ta’ Bakoush minħabba l-atteġġament tagħha fl-awla, din id-darba il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras għamlet l-istess minħabba li l-akkużata bdiet tidħak fl-awla għal tul ta’ żmien. “Qiesek ir-Re tal-Karnival”, qalet il-Maġistrat lil Bakoush.

Il-Maġistrat Galea Sciberras wissietha u qaltilha li dawn mhux affarijiet tad-daħk u jekk tkompli tidħak kienet se tarrestaha u l-proċeduri jkomplu mingħajrha. Xhud ieħor kien l-Ispettur Mark Anthony Mercieca li qal li anke l-bieb ta’ barra kien imbarrat bil-ħadid u t-tifel instab fuq is-sodda u rah jarmi d-droga fir-rokna taħt is-sodda fejn instabu diversi qratas u sustanza kannella fil-post li indika t-tifel. 

Ix-xhud qal li t-tifel wara ittieħed fil-kustodja tal-Aġenzija Appoġġ. Sostna li t-tifel kien qed jibki u li qalilhom li kien xeħed id-droga taħt is-sodda, kif kienu jgħidulu biex jagħmel il-ġenituri tiegħu. It-tifel issa jinsab fil-kustodja tal-Istat wara li nħarġet care order.

Tenna li nstabet id-droga cannabis u sustanzi oħra fejn instab it-tifel għax l-appartament għandu kamra tas-sodda fejn instabu żewġ safes tal-ħadid li kien fihom flus kontanti u deheb. Kompla jgħid li fil-kamra nstabu wkoll diversi ħwejjeg tad-ditta, meta l-akkużati diġà kellhom l-assi tagħhom iffriżati mill-Qorti, li kienu elevati mill-pulizija.

Qal li fir-residenza nstabu mwieżen u anke sustanza bajda waqt li fi stalla kien arrestat Joseph Debono u fiha nstabu qratas tad-droga u sustanzi oħra. Kompla li Debono kien ikun fir-residenza tal-akkużati għax kellu problemi finanzjarji u ammetta li kien ibigħ id-droga għall-akkużati.

L-Ispettur Mercieca spjega li l-istrutturi tal-ħadid kienu minħabba s-sigurtà iżda huwa kien joqgħod isfel u jagħtuh id-droga biex jgħaddiha lill-ħaddiehor u jitħallas bl-ikel u d-droga. Huwa żied li kienu arrestati diversi persuni oħra b’uħud minnhom qalu li kienu jixtru d-droga mingħand l-akkużati mir-residenza tagħhom fil-Belt, bl-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

L-Ispettur qal li Bakosuh ma kienet wieġbet għal ebda mistoqsija waqt l-interogazzjoni filwaqt li Nazwan ukoll irrifjuta li jwieġeb għal domandi potenzjalment diskriminatorji. Ix-xhud wara qal li mill-Marsa kien arrestat Joseph Borg li huwa sid l-istalla fejn dan ammetta mal-Pulizija li kien iforni d-droga lill-akkużati. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda se tkompli fl-14 ta’ Settembru.