Christian Borg, l-ħabib tal-Prim Ministru Robert Abela, li qed jaffaċja akkużi serji fil-Qorti fosthom fuq każ ta’ ħtif ta’ persuna u theddid kien applika għal tender u ngħata lilu, liema tender kien maħruġ mill-Awtorità għat-Trasport għall-kiri ta’ vetturi. Fil-Qorti bdew proċeduri li qegħdin jgħidu li l-kumpanija ta’ Borg spiċċat ntgħażlet hi, meta lanqas biss kellha d-dritt li tapplika.
Dan ħareġ minn protest ippreżentat fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili mill-kumpanija Davico Limited, li qed tgħid li kemm hi kif ukoll Princess Operations Limited, ta’ Christian Borg, kienu ssottomettew l-offerti għat-tender maħruġ mill-Awtorità għat-Trasport fuq kiri (Leasing) ta’ 38 vettura b’emissjoni baxxa , van tal-merkanizija u żewġ vannijiet self drive, liema offerti setgħu jiġu sottomessi sal-1 ta’ Settembru 2020.
Il-protest li sar kontra l-Awtorità għat-Trasport f’Malta, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Kuntratti u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol jgħid li rriżulta’ li l-offertà sottomessa mill-kumpanija ta’ Christian Borg Princess Operations Limited, li ġiet ġiet kklasifikata fl-ewwel post, waqt li l-kumpanija Davico Limited ġiet ikklassifikat fit-tieni post
Sussegwentement, u wara l-għotja ta’ dan it-tender, l-istess klassifika ġiet ikkontestata minn Davico Limited kemm quddiem il-Public Contracts Review Board (PCRB) kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Appell, iżda r-riżultat ma nbidilx. Il-kumpanija Davico qalet li saret konxja tal-fatt li l-liċenzja li kien jopera biha Christian Borg, mill-indirizz Princess Garage, B’kara Road, San Giljan, taħt il-franchise internazzjonali “Goldcar” u “Rhodium” ġiet sospiża mill-Awtorità għat-Trasport skont il-liġi fis-17 ta’ Jannar 2019.
Din id-deċiżjoni kienet kkonfermata mit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amminstrattiva fis-7 ta’ Lulju 2022. Għaldaqstant, meta l-kumpanija Princess Operations Limited tefgħet l-offertà tagħha għat-tender fis-sena 2020, kienet taf li ma kienitx awtorizzata titfa l-istess offerta.
Il-protest jgħid ukoll li huwa inspjegabbli u allarmanti kif l-Awtorità għat-Trasport kienet issospendiet il-liċenzja tal-kumpanija Princess Operations Limited, u ma tieħux konjizzjoni ta’ dan il-fatt straordinarju fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, ma ssemmih qatt fil-proċeduri t’Appell quddiem il-Public Contracts Review Board u ftit xhur wara, tippermetti li tiġi kkonfermata bħala rebbieħa tat-tender ta’ Awtoritajiet istituzzjonali u governattivi stess.
Il-protest jgħid ukoll li ta’ min wieħed jiġbed l-attenzjoni illi fl-istess tender document, speċifikament klawsola 5 (Selection and Award Requirements) kien hemm stipulat b’mod ċar illi l-partijiet li beħsiebhom jitfgħu offerta kienu se jiġu esklużi immedjatament fl-eventwalita’ ta’ mġieba ħażina professjonali.
Lil’hinn minn kull dubbju l-Awtorità għat-Trasport kellha tkun konxja ta’ din is-sospenzjoni bħala l-awtorità li għamlet din is-sejħa meta kienet qiegħda tanalizza kull offerta’ qabel ma finalment waslet għal deċiżjoni finali. Għaldaqstant l-Awtorità ma kellha qatt tippermetti lis-soċjetà Princess Operations Limited tkun kontendenti f’dan il-proċess ta’ għażla.
Aktar minn minn hekk il-kumpanija Davico qalet li tinsab infurmata li Princess Operations Limited għadha qiegħda topera u teżegwixxi dan it-tender minkejja l-imsemmi sospenzjoni kontriha. Għaldaqstant il-kumpanija Davico qalet li l-Awtorità ma kellha qatt tikkunsidra l-offerta ta’ Princess Operations Limited u kellha trebbaħ l-imsemmi tender lilha li kklasifikat fit-tieni post.
L-Awtorità kienet ukoll obbligata twaqqaf minnufih din il-kumpanija milli topera, speċjalment in vista tal-proċeduri quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, liema proċeduri ġew deċiżi fis-7 ta’ Lulju 2022 fejn ikkonfermaw issospenzjoni tal-liċenzja f’isem Christian Borg u tas-soċjetà Princess Operations Limited.
Il-kumpanija Davico qed titlob skont il-liġi lill-Awtorità twaqqaf minnufih lil Princess Operations Limited milli tkompli teżegwixxi l-inkarigu tagħha f’dan it-tender u tassenja l-imsemmi tender lilha, li ġiet ikklassifikata fit-tieni post fil-gradwatorja.
Il-protest qed jitlob ukoll sabiex tii nterotta kull preskrizzjoni li setgħet ddekorriet għad-drittijiet tagħha, minn issa hija tirriserva d-dritt tagħha li titlob lill-Qorti tordna u tillikwida d-danni dovuti lilha għal kull telf li ġarbet. L-Avukat Peter Fenech u l-Prokoratur Legali Nicholette Aquilina Iuris iffirmaw il-protest.