Kien hemm magna fi Transport Malta li kienet qed taħdem biex taġevola lill-ftit. U mijjiet oħrajn spiċċaw fi żvantaġġ.
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta tkellem fuq Net FM dwar l-aħħar skandlu tat-testijiet għal-liċenzji tas-sewqan – bi provi fil-konfront ta’ Ministru tal-Gvern li indaħal biex ikun hemm tbagħbis f’dawn it-testijiet li jitmexxew minn Transport Malta.
Il-Kap tal-PN saqsa min hu l-Ministru konċernat. U għaliex Robert Abela għadu ma ħax passi. Il-Kap tal-PN insista li l-PN se jibqa’ jagħmel il-pressjoni meħtieġa dwar dan l-iskandlu fi Transport Malta, u saħaq li Abela kellu dmir li jara li dawn l-azzjonijiet serji ma jsirux.
Bernard Grech saqsa wkoll jekk fl-Awtorità tal-Ippjanar kienux qed isiru manuvri simili.
“Din hi xibka ta’ korruzzjoni”, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-istess intervista li saret mill-ġurnalist Dione Borg, Bernard Grech tkellem dwar l-effetti tal-għoli tal-ħajja u l-bżonn li l-familji jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Hu qal li l-għoli fil-prezzijiet u l-isfidi ambjentali qed inaqqru l-kwalità tal-ħajja tan-nies. U quddiem dan kollu, stqarr il-Kap tal-PN, il-Gvern m’għandu ebda soluzzjonijiet.
Bernard Grech semma’ wkoll il-mossa tal-Gvern li jnaqqas il-Budget għall-Università ta’ Malta. U qal li din il-mossa turi li l-Gvern tilef ir-ruħ soċjali tiegħu.
Intant, Bernard Grech fakkar kif ix-xahar id-dieħel il-PN se jiċċelebra kif jixraq Jum l-Indipendenza – festa li tgħaqqad poplu sħiħ. U qal li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jitħabbar il-programm ta’ ċelebrazzjonijiet.