Lokali Qorti

Mara arrestata fl-ajruport mixlija li kienet qed iġġorr 64 kapsula kokaina

Mara ta’ 52 sena mir-Repubblika Dominikana, residenti Rotterdam li twaqqfet fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta fuq suspett li mportat id-droga ġie mixlija quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella mixlija li kienet qed iġġorr fuqha 64 kapsula kokaina.

Hekk kif fil-Qorti Altagracia Flores kienet infurmata li kienet inħarġet ordni ta’ frizza fuq l-assi kollha tagħha, hija wieġbet “Jien m’għandi xejn,” Il-mara ġiet arrestata fl-ajruport nhar il-Ġimgħa mill-pulizija li kienet qed taġixxi fuq tip off.

Flores kienet mixlija li fis-27 ta’ Awwissu u fil-ġimgħat preċedenti, kkonfoffat biex titraffika l-kokaina, kif ukoll li importat id-droga projbita u l-pusses aggravat tagħha. L-ispettur tal-iskwadra tad-Droga Justine Grech spjegat fil-Qorti, x’kien wassal għall-arrest tal-mara.

Qalet li Flores ġiet arrestata wara l-wasla tagħha f’Malta abbord titjira minn Brussell. L-uffiċjal tad-dwana waqqafha iżda ma sabu xejn suspettuż fil-bagalji tagħha. Imbagħad il-mara kienet ġiet mitkellma mill-pulizija u kienet tat il-kunsens tagħha għal eżami mediku.

Instabu tmien kapsuli moħbija fil-bra tagħha u X-rayscans sussegwenti wrew li kienet belgħet 56 oħra. Il-mara ġiet riferuta l-Isptar Mater Dei, taħt gwardja tal-pulizija, peress li wħud mill-kapsuli ma kinux għaddew mis-sistema tagħha. Hija reġgħet ġiet arrestata wara li ħarġet mill-isptar.

Flores instabet li kienet qed iġġorr b’kollox 64 kapsula, suspettata kokaina. Hija qalet lill-qorti li ma taħdimx, peress li kienet tilfet ix-xogħol tagħha, riżultat tal-pandemija tal-Covid-19. Il-Qorti ħatret lill-avukat Martin Farrugia bħala avukat tal-għajnuna legali.

Il-mara wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha. Id-difiża qalet li ma kellha l-ebda oġġezzjoni għall-ordni ta’ ffriżar f’dan l-istadju. “M’għandi xejn” qalet il-mara lill-interpretu tagħha, waqt li bdiet ixxengel rasha, hekk kif ġew spjegati lilha l-implikazzjonijiet ta’ din l-ordni.