Lokali

Miġbura kważi €4,000 b’risq Inspire matul vjaġġ ta’ qdif ta’ 17-il siegħa madwar Malta

It-tim wara Kayak for Charity, Dorian Vassallo u Albert Gambina, irnexxilhom jiġbru kważi €4,000 b’risq Inspire Foundation Malta waqt vjaġġ ta’ qdif ta’ 17-il siegħa fejn matulha qadfu għal madwar 75 kilometru bil-kenuri tagħhom biex daru madwar Malta kollha.

L-isfida tal-Kayak for Charity waslet fi tmiem it-Tlieta għall-ħabta tal-10pm f’Birżebbuġa, wara vjaġġ bla assistenza. Filwaqt li Albert temm ir-rotta, Dorian kellu jaqta’ l-isfida bi ftit sigħat minħabba uġigħ qawwi f’dahru li sfortunatament waqqfu milli jkompli jaqdef.

Il-kenuri li użaw għandhom spazju limitat tant li ftit li xejn setgħu jżommu ikel u xorb, u allura kellhom joqgħodu attenti biex iqassmu l-ikel bilmod għal matul il-ġurnata.

Mal-wasla tagħhom, Albert u Dorian sostnew li huwa privileġġ għalihom li jistgħu bil-mod tagħhom jgħinu organizzazzjoni bħal Inspire Foundation. Huma ddeskrivew is-servizz li tagħti Inspire lill-komunità bħala imprezzabbli filwaqt li nkoraġġew lill-publiku biex jagħmel id-donazzjoni tiegħu.

Antonello Gauci, il-Kap Eżekuttiv ta’ Inspire, irringrazzja lil Albert u Dorian tas-sapport kontinwu tagħhom u talli ħarġu bi sfida ġdida b’risq Inspire Foundation.