Manchester City 6-0 Nottingham Forest
Fl-Etihad Stadium faċli għas-Citinzens fejn aktar minn qatt qabel Erling Haaland jibqa’ protagonista ewlieni għall-iskwadra ta’ Pep Guardiola bi tripletta personali.
Wara 12-il minuta, pass ta’ Phil Foden lil Erling Haaland li għeleb lil Dean Henderson. Ħdax il-minuta wara l-istess Erling Haaland għamel l-iskor 2-0 sabiex fit-38 minuta minn azzjoni ta’ John Stones, Haaland mill-ġdid għeleb lil Henderson għat- 3-0. L-andament matul it-tieni taqsima baqa’ l-istess l-aktar wara li fil-50 minuta minn pass ta’ Bernardo Silva kien Joao Cancelo li għamel l-iskor 4-0. Fis-66 minuta kien Julian Alvarez li kabbar l-iskor għal 5-0. L-istess Alvarez fis-87 minuta mill-ġdid għeleb lil Henderson għal 6-0.
Bournemouth 0-0 Wolves
Fil-Vitality Stadium, minkejja li Wolves kellhom aktar pussess, Bournemouth u wisq aktar Neto żammew l-iskor intatt sabiex kisbu t-tielet draw tal-istaġun minn ħames partiti filwaqt li Wolves minn daqstant partiti għadhom bla rebħa.
Arsenal 2-1 Aston Villa
Fl’Emirates Stadium, Arsenal komplew bil-forma pożittiva tagħhom u rreġistraw il-ħames rebħa minn ħamsa u baqgħu weħidhom fil-quċċata.
Fit-30 minuta kien Gabriel Jesus li għeleb lil Emiliano Martinez sabiex poġġa lil Arsenal fil-vantaġġ għall-uniku gowl fl-ewwel taqsima. Fl-74 minuta Aston Villa kisbu l-gowl tad-draw b’Douglas Luiz jgħeleb lil Aaron Ramsdale. Tlett minuti wara iżda minn azzjoni ta’ Bukayo Saka kien Gabriel Martinelli li għeleb lil Martinez b’Arsenal fil-vantaġġ li żammew sa tmiem il-partita.
West Ham 1-1 Tottenham Hotspur
Minkejja li Tottenham iddettaw għal ħinijiet twal kellhom jistennew sal-34 minuta biex imorru fil-vantagg b’auto goal ta’ Thilo Keher li għeleb lil sieħbu Lukasz Fabianski. Fit-tieni taqsima b’West Ham aktar fil-partita fil-55 minuta kien Tomas Soucek li għeleb lil Hugo Lloris minn pass ta’Michail Antonio.
Liverpool 2-1 Newcastle United
F’Anfield Liverpool skorjaw fl-aħħar xutt tal-partita biex kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva u tal-istaġun.
Minkejja li Liverpool saħansitra kellhom 72% pussess fit-38 minuta minn azzjoni ta’ Sean Longstaff kien Alexander Isak li għeleb lil Alisson Becker bi Newcastle fil-vantaġġ fi tmiem l-ewwel taqsima. Kibret il-pressjoni minn Liverpool li fil-61 minuta kisbu l-gowl tad-draw wara li Roberto Firmino minn pass ta’ Mohamed Salah għeleb lil Nick Pope. Bil-partita destinatha għad-draw fl-aħħar azzjoni tal-partita fit-tmien minuta ta’ ħin miżjud kien Fabio Carvalho li għeleb lil Pope għal rebħa drammatika u t-tieni rebħa tal-istaġun.
