Futbol Sport

Serie A: Juventus jirritornaw għar-rebħ…Napoli jerġgħu jwaqqgħu il-punti

(Ritratt: EPA)

Juventus 2-0 Spezia

Juventus irritornaw għar-rebħ wara d-draw kontra Roma u fl-Allianz Stadium għalkemm forsi mhux b’kumdità għelbu lil Spezia 2-0.

Wara biss 9 minuti Juventus fetħu l-iskor wara li Dusan Vlahovic għeleb lil Bartolomej Dragowski. Minkejja vantaġġ kmieni u b’Juventus aktar fuq l-offensiva, Spezia b’xi mod kienu aktar fil-partita matul it-tieni taqsima . Juventus irduppjaw fit-92 minuta bl-aħħar akkwist Arkadiusz Milik li minn azzjoni ta’ Fabio Miretti għeleb lil Dragowski.

Empoli 1-1 Verona

Fi Stadio Carlo Castellani, Empoli u Verona spiċċaw fi draw ta’ 1-1 biex minn erba’ partiti it-tnejn li huma għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa.

Fis-26 minuta kienu Empoli li fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ Sam Lammers kien Tommaso Baldenzi li għeleb lil Lorenzo Montipo, 1-0 fi tmiem l-ewwel taqsima. Reazzjoni minn Verona li fid-69 minuta kisbu l-gowl tad-draw permezz ta’ Yayah Kallon li għeleb lil Guglielmo Vicario minn azzjoni ta’ Josh Doig.

Sampdoria 1-1 Lazio

Lazio barra minn darhom sofrew gowl fil-ħin miżjud li ċaħħadhom mit-tieni rebħa konsekuttiva wara li fl-aħħar ħarġa tagħhom kienu għelbu lil Inter.

Wara 21 minuta Lazio marru fil-vantaġġ permezz ta’ Ciro Immobile li minn azzjoni ta’ Sergej Milinkovic Savic għeleb lil Emil Audero għal vantaġġ minimu matul l-ewwel taqsima. Minkejja li Lazio ddettaw għal ħinijiet twal, fit-tieni minuta ta’ ħin miżjud minn azzjoni ta’ Tomas Rincon kien Manolo Gabbiadini li għeleb lil Ivan Provedel għal draw drammatiku fil-Marassi.

Plejers ta’ Sampdoria jiċċelebraw il-goal ta’ Maniolo Gabbiadini fl-aħħar ħinijiet kontra Lazio (Ritratt: EPA)

Udinese 1-0 Fiorentina

F’Dacia Arena, Udinese kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Fiorenitna 1-0.

Fis-17-il minuta Udinese marru fil-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ Gerard Doulofeu kien Beto li għeleb lil Pietro Terracciano għal dak li kellu jwassal għat-tieni rebħa fil-Kampjonat u fl-istess waqt qabżu lil Fiorentina fil-klassifika.

Napoli 1-1 Lecce

Mid-draw kontra Fiorentina, Napoli fallew milli jirbħu f’darhom kontra avversarju anqas ikkwotat sabiex tilfu l-pass mal-ewwel timijiet fil-klassifika.

Fil-25 minuta foul ta’ Ndombele fuq Federico di Francesco. Penalty għal Lecce mgħoti minn Lorenzo Colombo u salvat minn Alex Meret. Risposta minn Napoli li żewġ minuti wara fetħu l-iskor permezz ta’ Eljif Elmas li minn pass ta’ Matteo Politano għeleb lil Wladimiro Falcone. Tlett minuti wara l-iskor sar 1 – 1 meta minn azzjoni ta’ Morten Hjulmand, Lorenzo Colombo patta għal penalty mitluf u din id-darba għeleb lil Meret.