Lokali

SKANDLU TRANSPORT MALTA: il-Ministri jfarfru u jgħidu li “jridu jaraw il-Pulizija”

Xhieda ġuramentata quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello ma tfisser prattikament xejn għall-membri tal-Gvern; tant li l-Ministri ta’ Robert Abela jidhru determinati li ma jdarrsux lill-kollega jew kollegi tagħhom implikati f’dan il-każ.

Għal mistoqsijiet ta’ Net News dwar il-każ, il-Ministru Miriam Dalli qalet li “wieħed irid jara l-fatti tal-każ” filwaqt li qalet li “intom wasaltu għall-konklużjonijiet”.

Mistoqsija jekk il-Gvern kienx identifika min hu l-Ministru jew Ministri implikati, Dalli qalet biss li “s’issa kien hemm allegazzjonijiet”.

Aktar minn 48 siegħa wara li fil-Qorti nstemgħet xhieda li timplika lil Ministru tal-Gvern ta’ Abela f’każ ieħor ta’ korruzzjoni -din id-darba biex ikunu aġevolati persuni partikolari biex jgħaddu mit-test tat-teorija tal-karozza – il-membri tal-istess Gvern qed jibqgħu gallarija, u jistennew li tkun il-Pulizija li tieħu azzjoni, filwaqt li ħadd ma jrid iġorr ebda responsabbilta politika.

Jidher li fost l-applikanti li ġew aġevolati kien hemm persuni li kienu qed jaħdmu fil-villa tal-imsemmi – jew aħjar sa issa mhux imsemmi Ministru.

Ghalkemm skont dak li ħareġ fil-Qorti nhar it-Tnejn, jidher li dawn il-privileġġi kienu qed jingħataw minn għadd ta’ Ministeri differenti.