Qed tkompli tikber il-pressjoni fuq l-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump meta l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan semmew il-possibbiltà li hu seta’ ħeba numru ta’ dokumenti sensittivi meta l-aġenti tal-FBI, jiem ilu, wettqu tfittxija fir-residenza tiegħu f’Mar-a-Lago, fl-Istat ta’ Florida.
Id-Dipartiment ippreżenta rikors lill-qorti li fih tenna li l-eks President x’aktarx li pprova jostakola l-investigazzjoni tal-Gvern . Dan ukoll meta Trump għadu qed jinsisti li t-tfittxija inkwistjoni għandha titqies bħala rejd illegali fil-proprjetà tiegħu.
L-awtoritajiet Amerikani, intant, qegħdin ikomplu bl-investigazzjoni ta’ Trump li min-naħa tiegħu talab għal avukat newtrali biex jissorvelja parti mill-każ kontra tiegħu. Dan waqt li Trump qed jinsisti li ma għamel xejn ħażin u li d-dokumenti inkwistjoni kienu desklassifikati.
Ladarba President Amerikan jispiċċa mill-poter huwa dejjem obbligat li jittrasferixxi d-dokumenti u l-emails kollha tiegħu lill-aġenzija federali tal-Arkivja Nazzjonali.
Dan meta llum, l-FBI qed tinvestiga jekk Trump hux ħati ta’ misapproprjazzjoni tar-rekords nazzjonali li kien ħadhom miegħu mill-White House lejn Mar-a-Lago wara li hu kien spiċċa minn President f’Jannar tal-2021.
//= $special ?>

