Internazzjonali

Ukrajna: Jiħraxu l-battalji għal Kherson….Eqreb ta’ spezzjonijiet fil-faċilità ta’ Zaporizhzhia

Il-gwerra fl-Ukrajna issa daħlet f’fażi ġdida fejn il-militar Ukren qed jagħmel l-almu tiegħu biex jieħu lura l-kontroll f’Kherson li hu wieħed mir-reġjuni ewlenin ta’ dan il-pajjiż u li ilu minn Marzu taħt il-kontroll tal-qawwiet Russi.

L-aħħar rapporti rreferew għal sensiela ġdida ta’ battalji ħorox f’Kherson u l-madwar iżda l-ossservaturi barranin mhumiex jistennew xi riżultati konkreti matul il-jiem li ġejjin u minkejja li l-qawwiet Ukreni għamlu diġà xi kisbet fil-bidu ta’ din l-offensiva.

Fil-fatt, l-osservaturi qed jistennew li jsiru aktar battalji fit-tul f’dan ir-reġjun u meta qegħdin jgħidu li ħadd, għalissa, ma għandu jippretendi xi bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni.

Bħalissa wkoll, skwadra ta’ spetturi mill-International Atomic Energy Agency jinsabu fi triqithom lejn Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, bil-ħsieb li fis-sigħat li ġejjin jeżaminaw is-sitwazzjoni fil-faċilità nukleari ta’ Zaporizhizhia . Din il-faċilità, li hi l-akbar kumpless nukleari fl-Ewropa,  illum inbidlet f’zona tal-gwerra waqt li qed tintuża mir-Russi bħala bażi minfejn qed iwettqu l-attakki fuq l-ibliet Ukreni fil-madwar.

Il-faċilità ilha x-xhur okkupata mir-Russi u l-Punent jinsab inkwetat ħafna li s-sitwazzjoni perikoluża fl-inħawi kapaċi twassal għal kriżi nukleari li taffettwa mhux biss lill-Ukrajna iżda l-Ewropa kollha.Anki fl-aħħar sigħat kienu rappurtati diversi bumbardamenti fuq l-inħawi madwar il-faċilità u meta l-Ukrajna u r-Russja qegħdin jakkużaw lil xulxin bħala l-aggressuri responsabbli.

Żvilupp ieħor importanti fil-kriżi tal-Ukrajna hi d-deċiżjoni tar-Russja – ikkonfermata ftit tal-ħin ilu – biex tagħlaq il-provvisti tal-gass minn pipeline ewlieni lejn l-Ewropa għat-tlett ijiem li ġejjin.

Kelliema għall-Kremlin qegħdin iwaħħlu s-sitwazzjoni fis-sanzjonijiet li l-Punent qiegħed jimponi fuq ir-Russja minħabba l-gwerra fl-Ukrajna. L-istess kelliema sostnew li dawn is-sanzjonijiet mhumiex qegħdin jippermettu li jsiru t-tiswijiet normali tal-pipeline, b’dawn iċ-ċirkustanzi, skont huma, qed jesiġu x-shutdown tal-provvista, almenu għall-ġranet li jmiss.