Lokali Qorti

Ebda protokolli biex jitrattaw overdoses tad-droga meta persuni jkunu fil-kustodja tal-Pulizija

Supretendent ikkonferma bil-ġurament li l-pulizija m’għandha l-ebda protokolli stabbiliti dwar kif jimmaniġġjaw sitwazzjonijiet fejn persuni arrestati huma suspettati li belgħu d-droga qabel l-arrest tagħhom. Dan ħareġ mix-xhieda tas-supretendent Victor Aquilina, li xehed fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra żewġ uffiċjali akkużati bl-omiċidju involontarju ta’ Richmond Tong, li miet wara li sofra minn ‘seizure’ fiċ-ċella tiegħu fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija fl-24 ta’ Ġunju.

Tong, ta’ 35 sena mill-Imtarfa, kien ġie arrestat dak il-lejl, wara li tal-RIU kienu waqqfu l-karozza tiegħu talli kiser ir-regolamenti tat-traffiku u li kienu sabu d-droga cannabis ġewwa l-vettura meta kienet saret tfittxija fiha. L-ispettur tal- Stacy Gatt ta’ 28 sena minn Ħaż-Żebbuġ u s-Surġent Karl Nikolai Vella Cassia ta’ 35 sena mir-Rabat jinsabu akkużati b’omoċidju involontarju.

Vella Cassia waħdu jinsab mixli wkoll li ta xhieda falza taħt ġurament quddiem il-maġistrat inkwirenti Josette Demicoli. L-ewwel li xehed kien rappreżentant mill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani tal-Pulizija, li informa lill-Qorti li l-karriera tal-pulizija ta’ Gatt kienet bdiet fl-2017 u ta’ Vella Cassia fl-2010.

It-tnejn kienu sospiżi mid-dmirijiet b’rabta ma’ dan il-każ mid-9 ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Ix-xhud ewlieni tal-lum kien is-Supretendent tal-Pulizija Victor Aquilina. Aquilina informa lill-Qorti li fil-ħin tal-inċident ma kienx stazzjonat il-Belt Valletta u kien involut biss fl-aħħar stadji tal-każ, wara li rċieva l-ordnijiet tiegħu wara li ntemmet l-inkjesta dwar il-mewt ta’ Richmond Tong.

“Peress li kien każ possibbli ta’ omiċidju involontarju u kien involut spettur tal-pulizija, kelli nagħmel l-investigazzjoni, bħala l-uffiċjal ta’ rank għola. Kont tlabt parir legali mingħand l-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispettur Daryl Borg, li qed imexxi dan il-każ, qal ix-xhud.

Id-dikjarazzjonijiet awdjoviżivi tal-akkużat kienu ġew irreġistrati fis-27 ta’ April 2022, żied jgħid. “It-tnejn li huma żammew mal-verżjoni li ta lill-maġistrat inkwerenti, iżda Vella Cassia kien qed jiġi investigat ukoll fuq xhieda falza possibbli f’dik l-inkjesta.”

Il-parir tal-AĠ kien li jmexxi kontra l-uffiċjali, qal is-Supretendent. L-Avukat Franco Debono, li deher bħala parte civile għall-familja ta’ Tong, kontroeżamina lix-xhud, u staqsa dwar x’wassal għall-inċident. “Jien ma kontx parti mill-inkjesta, u lanqas mill-investigazzjoni ta’ qabel l-inkjesta. Kienu l-Ispettur Darryl Borg u l-magistrat Josette Demicoli.

“Iffukajt fuq l-istqarrija ta’ Gatt. Staqsejt jekk kellhiex xi ħaġa xi żżid u hija biss irrepetiet dak li kienet diġà qalet lill- maġistrat” kompla x-xhud. L-avukat difensur Giannella De Marco staqsiet jekk Gatt kienx involut fl-arrest inizjali. Aquilina kkonferma li ma kinitx.

Tong kien ġie arrestat mill-RIU u nstab li kellu l-cannabis fuq il-persuna tiegħu, qal ix-xhud. Aquilina ma setax jispeċifika eżattament kemm għadda żmien mill-mument tal-arrest ta ‘Tong sat-trasferiment tiegħu għall-lock up tal- tal-pulizija, iżda qal li kien bejn wieħed u ieħor “siegħa jew tnejn.”

L-avukat staqsiet jekk l-uffiċjali li arrestaw kinux innutaw xi mġieba stramba min-naħa ta’ Tong. “Wieħed mill-uffiċjali tal-RIU kien qal li rawh idaħħal xi ħaġa f’ħalqu. Surġent ieħor qal li seta’ bela’ xi ħaġa,” qal Aquilina, filwaqt li enfasizza li dan huwa dak li ftakar minn dak li kien ra fid-dokumenti tal-inkjesta.

Ikkonferma li Stacy Attard kienet qaltlu li fl-ebda punt Tong ma lmenta li ħassu marid, u lanqas talab għal tabib. Fl-ebda punt Gatt ma ngħata xi informazzjoni bħal din, qal. Meta wieġeb mistoqsija oħra mid-difiża, Aquilina qal li ma kienx konxju li Tong tħalla jsuq il-vettura suspettata sal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana.

L-Avukat Joe Giglio, għal Vella Cassia staqsa jekk il-klijent tiegħu kienx staqsa lil Tong diversi drabi jekk għandux bżonn assistenza medika jew iridx jiġi eżaminat minn tabib. “Iva” ikkonferma s-Supretendent, u żied li l-oneru kien fuq l-uffiċjal li jiżgura s-sigurtà tal-persuni fil-kustodja tiegħu.

“Huwa possibbli li m’hemmx protokolli jew linji gwida dwar kif jittrattaw sitwazzjonijiet bħal dawn?” staqsa Giglio. Dak iż-żmien ma kienx hemm SOP’s (Standard Operating Procedures) u jekk kien hemm, kienu ċirkulari. Imma m’hemmx bżonn ta’ linji gwida meta persuna jkollha dubju jekk għamilx xi ħaġa ħażina. “Fid-29 sena ta’ servizz tiegħi, dejjem kont attent li nieħu prekwazzjonijiet. temm jgħid ix-xhud.” Il-każ ikompli f’Ottubru.