Internazzjonali

Iċ-Ċina: L-awtoritajiet komunisti setgħu wettqu r-reati kontra l-umanità f’Xinjiang

In-Nazzjonijiet Uniti akkużat liċ-Ċina dwar ‘abbuż serju tad-drittijiet umani’ permezz ta’ rapport iddettaljat dwar l-abbużi fil-konfront tal-komunitajiet speċifiċi fil-provinċja ta’ Xinjiang. Ir-rapport kien ilu mistenni u meta ċ-Ċina kemm-il darba insistiet biex in-NU ma tiżvelax id-dettalji tiegħu. Fl-istess ħin, il-kelliema għall-Gvern komunista f’Beijing fissru dan ir-rapport bħala ‘farsa li kienet organizzata mill-potenzi tal-Punent’.

Ir-rapport, fost oħrajn, jevalwa l-abbuż konsistenti taċ-Ċina fil-konfront tal-Musulmani Uyghur u minoranzi etniċi oħra – bil-Gvern Ċiniż komunista qed jiċħad li wettaq numru ta’ atroċitajiet kontra n-nies ta’ ġens partikulari.

Madankollu, l-investigaturi qalu li sabu l-provi kredibbli li l-membri tal-komunitajiet f’minoranza kienu suġġetti għat-tortura taħt l-awtoritajiet Ċiniżi u fuq bażi ta’ ‘reati kontra l-umanità’.

Dan meta l-gruppi favur id-drittijiet umani ilhom iwissu dwar dak li qed iseħħ f’Xinjiang fost allegazzjonijiet li ‘il fuq minn miljun Musulmani Uyghur spiċċaw miżmuma f’numru ta’ kampijiet kontra r-rieda tagħhom. Iċ-Ċina, intant, tirreferi għal dawn il-kampijiet bħala ‘ċentri għar-rijabilitazzjoni tan-nies li jeħtieġu dawn il-programmi’.

Fl-istess ħin ilhom għaddejjin allegazzjonijiet li r-residenti fil-kampijiet spiċċaw vittmi ta’ tortura, stupru u sterilizzazzjoni sfurzata – bir-rapport tan-NU jikkonkludi li ‘is-sitwazzjoni tal-komunità tal-Uyghur u tal-gruppi Musulmani l-oħra fiċ-Ċina qed turi li dawn spiċċaw vittmi ta’ aġir arbitgrarju u diskriminattiv li kapaċi jikkostitwixxi reat fuq livell internazzjonali.