Lokali

“Il-Maġistrat ma tistax tkun imparzjali fuq il-każ Pilatus”

L-għaqda Repubblika temmen li l-kawża rigward il-bank Pilatus qatt ma tista’ tinstema’ quddiem Maġistrat imparzjali meta l-ġudikant hija l-mara tat-tifel tal-avukat Pawlu Lia – l-avukat tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Dan intqal f’konfereza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-Qorti kmieni l-Ħamis filgħodu wara li preżentat rikors ġuramentat bil-provi ċari, fil-kawża taċ-challenge li qed jagħmlu biex jitressqu l-Qorti lill-kriminali tal-bank Pilatus.

L-għaqda Repubblika qed tinsisti li kien hemm bżonn li jittieħdu passi eċċezzjonali għaliex din is-sitwazzjoni hija waħda eċċezzjonali u bla preċedent fejn għandek Maġistrat li qed ittawwal il-proċess. ‘Repubblika’ tisħaq li huwa xokkanti li f’pajjiżna l-proċess tal-ġustizzja jsib ostaklu kbir wara l-ieħor; pero’ hu aktar xokkanti u inaċċettabli li wħud minn dawn l-ostakli jkunu ġenerati minn min suppost jamministra l-ġustizzja.

Il-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina u l-avukat Jason Azzopardi ppreżentaw lill-Qorti l-provi li, kif spjega Aquilina stess, ma jista’ jmerihom ħadd. Dawn iż-żewġ dokumenti jinkludu parti mix-xhieda ta Pauline Bonello u dikjarazzjoni fuq l-inkjesta maġisterjali minn Aquilina stess. Robert Aquilina insista li l-Maġistrat Nadine Lia qed ittawwal iż-żmien sabiex tibda tisma’ din il-kawża dwar l-iskandlu tal-Pilatus u għal diversi drabi ċaħdet it-talbiet li għamlet ‘Repubblika’.

L-aħħar darba li l-Maġistrat ċaħdet dawn it-talbiet kien propju fid-29 ta’ Awwissu li għadda fejn il-Maġistrat qalet ukoll li dak li qed jgħid Aquilina mhuwiex veritier.

Din l-għaqda temmen li huwa d-dritt fundamentali li l-kawża tagħha tkun deċiża minn Qorti imparzjali u li tidher li hija imparzjali.

Minn naħa tiegħu Aquilina tenna li hu se jassumi r-responsabbilita’ ta’ dak kollu li qed jgħid u  jippreżenta. Huwa stqarr li dak li qal taħt ġurament huwa kollu minnu, u d-dokumenti kollha li qed juri huma oriġinali – bi provi ċari – li qed isiru affarijiet bla preċedent.