Internazzjonali

Il-Malasja: Il-mara tal-eks Prim Ministru Razak teħel il-ħabs dwar tixħim

Il-mara tal-eks Prim Ministru Malasjan, Najib Razak, ingħatat sentenza ta’ għaxar snin ħabs għal kull waħda minn tliet akkużi dwar tixħim u li għandha tiskuntahom fl-istess perjodu ta’ żmien.

Rosmah Mansor  instabet ħatja dwar akkużi li kienet strumentali f’attentati ta’ tixħim u li anki rċeviet il-flus, illegalment, biex tgħin lil kumpannija tirbaħ offerta ekwivalenti għal 250 miljun ewro fi żmien meta Razak kien għadu Prim Ministru.

Il-verdett ta’ Mansor kien ikkonfermat ftit jiem biss wara li żewġha beda jiskonta sentenza ta’ 12-il sena ħabs għal korruzzjoni.

Din il-mara ta’ 70-sena hi magħrufa għal kemm tħobb tixtri l-affarijiet lussużi u l-ġojjellerija. U meta l-pulizija wettqu numru ta’ rejds fil-proprjetà tagħha u ta’ Razak huma sabu diversi oġġetti imprezzabbli, minbarra kwantità ta’ ġojjellerija flimkien ma’ kullana tad-djamanti li tiswa’ ‘il fuq minn 1.5 miljun ewro.

Rosmah Mansor insistiet li kienet innoċenti mill-akkużi miġjuba kontra tagħha, iżda hi aċċettat bil-kwiet il-verdett li nqralha waqt li kienet preżenti fl-Ogħla Qorti ta’ Kuala Lumpur.