Ekonomija Lokali

Il-PN irid isaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-familji

Pajjiżna għandu bżonn joħloq opportunitajiet ta’ xogħol li joffru pagi aħjar. Aktar u aktar issa, li l-inflazzjoni qed taffetwa direttament il-kwalita’ tal-ħajja tal-ħaddiema, tal-familji u tal-anzjani.

Kien dan is-sentiment espress mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta din il-ġimgħa kien intervistat fuq Net FM mill-ġurnalist Dione Borg. Bernard Grech fakkar kif l-inflazzjoni qed taffetwa l-ħajja ta’ kulħadd; bil-prezzijiet dejjem jogħlew xahar wara l-ieħor.

Anke l-unions qed jagħmlu pressjoni biex il-Gvern joffri soluzzjonijiet.

Mal-Malta Independent, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, Josef Vella, qal li fil-Budget għandha tingħata l-għajnuna lil dawk in-nies li għandhom dħul baxx iżda hemm bżonn ukoll li l-budget jipprovdi benefiċċji li jieħdu ħsieb il-middle class. Dan għaliex jekk in-nies li għandhom paga medja jinżlu ma’ dawk ta’ paga baxxa nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn il-maġġoranza tal-poplu jkollu bżonn l-għajnuna.

Josef Vella insista li hemm bżonn li jkun hemm diskussjoni fl-MCESD dwar il-mekkaniżmu għall-għoli tal-ħajja. Barra minn hekk, hu fakkar li l-UĦM ilha tinsisti li hemm bżonn tibdil fil-COLA iżda din it-talba kienet waqgħet f’widnejn torox.

Minn naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Buġeja stqarr mal-Indpendent li l-platform workers – u allura dawk il-persuni bil-muturi li jkunu qed iwasslu deliveries – għandhom jiġu kkunsidrati bħala impjegati. Buġeja qal li dawn saru “skjavi”, u jeħtieġ li dawn il-ħaddiema jkunu protetti skont il-liġi.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal ukoll li l-COLA ma tistax tinbidel mil-lejl għan-nhar. U stqarr li l-GWU nidiet proposta li l-COLA għandha tiġi diskussa fil-futur sabiex isiru l-emendi neċessarji iżda mhux tinbidel issa hekk kif baqa’ biss 6 ġimgħat għall-budget li jmiss.